Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 22: Ġużeppi Jiġi Mitfugħ il-Ħabs

Storja 22: Ġużeppi Jiġi Mitfugħ il-Ħabs

ĠUŻEPPI għandu 17-il sena biss meta jittieħed l-Eġittu. Hemmhekk jinbiegħ lil raġel jismu Potifar. Potifar jaħdem għas-sultan tal-Eġittu, li jissejjaħ Fargħun.

Ġużeppi l-ħabs

Ġużeppi jaħdem iebes għal sidu, Potifar. Għalhekk, meta Ġużeppi jikber, Potifar jgħidlu biex jieħu ħsieb daru kollha. Allura, Ġużeppi għala qiegħed il-ħabs? Minħabba l-mara ta’ Potifar.

Ġużeppi jsir raġel gustuż ħafna, u l-mara ta’ Potifar tridu jimtedd magħha. Imma Ġużeppi jaf li din hi xi ħaġa ħażina, u ma jridx jagħmel hekk. Mart Potifar tirrabja ħafna. Għalhekk, meta r-raġel tagħha jiġi d-dar, tigdiblu u tgħid: ‘Dak ir-raġel ħażin Ġużeppi pprova jimtedd miegħi!’ Potifar jemmen lil martu, u jirrabja ħafna għal Ġużeppi. Għalhekk, jitfgħu l-ħabs.

Ir-raġel li jieħu ħsieb il-ħabs malajr jinduna li Ġużeppi hu raġel tajjeb. Għalhekk, jgħidlu biex jieħu ħsieb il-priġunieri l-oħrajn kollha. Iktar tard, il-Fargħun jirrabja mal-kuppier (dak li kien iferragħlu x’jixrob) u mal-furnar tiegħu, u jitfagħhom il-ħabs. Lejla waħda, it-tnejn li huma jkollhom ħolma speċjali, imma ma jafux xi tfisser. L-għada Ġużeppi jgħidilhom: ‘Għiduli xi ħlomtu.’ U meta jagħmlu hekk, Ġużeppi, bl-għajnuna t’Alla, jispjegalhom xi jfisser il-ħolm tagħhom.

Ġużeppi jgħid lill-kuppier: ‘Fi tlett ijiem int se tinħeles mill-ħabs u se terġa’ ssir il-kuppier tal-Fargħun.’ Għalhekk, Ġużeppi jżid jgħid: ‘Meta tinħeles, għid lill-Fargħun dwari u għinni noħroġ minn dan il-post.’ Imma lill-furnar, Ġużeppi jgħidlu: ‘Fi tlett ijiem biss, il-Fargħun se jordna li tinqatagħlek rasek.’

Wara tlett ijiem kollox jiġri eżatt kif qal Ġużeppi. Il-Fargħun jordna li jaqtgħu ras il-furnar. Imma l-kuppier jinħeles mill-ħabs u jerġa’ jibda jaqdi lis-sultan. Iżda l-kuppier jinsieh għalkollox lil Ġużeppi! Ma jgħidx lill-Fargħun dwaru, u Ġużeppi jkollu jibqa’ l-ħabs.

Ġenesi 39:1-23; 40:1-23.



Mistoqsijiet

  • Kemm għandu żmien Ġużeppi meta jittieħed l-Eġittu, u x’jiġri meta jasal hemmhekk?
  • Ġużeppi kif jispiċċa l-ħabs?
  • X’responsabbiltà jingħata fil-ħabs Ġużeppi?
  • Ġużeppi x’jagħmel għall-kuppier u l-furnar tal-Fargħun waqt li jkunu l-ħabs?
  • X’jiġri wara li l-kuppier jinħeles mill-ħabs?

Iktar mistoqsijiet