Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 21: Ħut Ġużeppi Jobogħduh

Storja 21: Ħut Ġużeppi Jobogħduh

ARA miskin kemm hu mdejjaq u bla tama dan il-ġuvnott! Dan Ġużeppi. Ħutu għadhom kemm bigħuh lil dawn l-irġiel li sejrin l-Eġittu. Hemmhekk kienu se jagħmlu lil Ġużeppi lsir. Ħutu għala għamlu din il-ħaġa ħażina? Għax kienu jgħiru għal Ġużeppi.

Ġużeppi qed jinbiegħ minn ħutu

Missierhom, Ġakobb, kien iħobb lil Ġużeppi ħafna u ħafna. Hu wrieh kemm iħobbu billi għamillu libsa twila u sabiħa. Meta l-10 ħutu l-kbar raw kemm Ġakobb kien iħobb lil Ġużeppi, bdew jgħiru għal Ġużeppi u jobogħduh. Imma kien hemm raġuni oħra għala kienu jobogħduh.

Ġużeppi ħolom żewġ ħolmiet. Fiż-żewġ ħolmiet ta’ Ġużeppi, ħutu baxxew rashom quddiemu. Meta Ġużeppi qal lil ħutu x’ħolom saru jobogħduh saħansitra iktar.

Issa, ġurnata minnhom, meta ħutu l-kbar kienu qed jieħdu ħsieb in-nagħaġ ta’ missierhom, Ġakobb staqsa lil Ġużeppi biex imur jara kif kienu sejrin. Meta ħut Ġużeppi rawh ġej, xi wħud minnhom qalu: ‘Ejja noqtluh!’ Imma Ruben, ħuhom il-kbir, qal: ‘Le, ara ma tagħmlux hekk!’ Minflok, ħatfu lil Ġużeppi u tefgħuh ġo bir vojt. Imbagħad qagħdu bilqiegħda biex jaraw x’kienu se jagħmlu bih.

F’dan il-waqt għaddew xi rġiel Ismagħelin. Ġuda qal lil ħutu, ‘Ejja nbigħuh lill-Ismagħelin.’ U hekk għamlu. Biegħu lil Ġużeppi għal 20 biċċa tal-fidda. Kemm kienet xi ħaġa kiefra u bla qalb din!

L-aħwa x’kienu se jgħidu lil missierhom? Huma qatlu mogħża u darba wara l-oħra billew il-libsa mill-isbaħ ta’ Ġużeppi fid-demm tal-mogħża. Imbagħad ħadu l-libsa d-dar lil missierhom Ġakobb u qalu: ‘Sibna din. Ħares lejha, u ara jekk hijiex il-libsa ta’ Ġużeppi.’

Ġakobb għarafha. Hu qal: ‘Bilfors li qatlu xi annimal salvaġġ.’ U ħut Ġużeppi hekk riduh jemmen lil missierhom. Ġakobb tnikket ħafna u ħafna. Beka għal ħafna ġranet. Imma Ġużeppi ma kienx mejjet. Ejja naraw xi ġralu fil-post li ttieħed.

Ġenesi 37:1-35.



Mistoqsijiet

  • Ħut Ġużeppi għala kienu jgħiru għalih, u x’għamlu?
  • Ħut Ġużeppi x’riedu jagħmlulu, imma Ruben x’qal?
  • X’ġara meta għaddew minn ħdejhom xi negozjanti Ismagħelin?
  • X’għamlu ħut Ġużeppi biex iġiegħlu lil missierhom jaħseb li Ġużeppi miet?

Iktar mistoqsijiet