Ġakobb u Wliedu

ĦARES ftit lejn din il-familja kbira. Dawn huma t-12-il iben ta’ Ġakobb. U kellu wlied bniet ukoll. Taf xi ismijiet ta’ xi ħadd minn dawn it-tfal? Ejja nitgħallmu ftit minnhom.

Lea wildet lil Ruben, Simegħon, Levi, u Ġuda. Meta Rakele rat li ma kienx qed ikollha tfal, tnikktet ħafna. Għalhekk, tat il-qaddejja tagħha, Bilħa, lil Ġakobb u Bilħa wildet żewġ subien li kien jisimhom Dan u Naftali. Imbagħad Lea wkoll tat il-qaddejja tagħha, Żilfa, lil Ġakobb, u Żilfa wildet lil Gad u Aser. Imbagħad Lea kellha żewġ subien oħrajn, Issakar u Żebulun.

Fl-aħħar, Rakele seta’ jkollha tifel. Semmietu Ġużeppi. Iktar ’il quddiem se nitgħallmu ħafna iktar dwar Ġużeppi, għax sar persuna importanti ħafna. Dawn kienu l-11-il iben li twieldu lil Ġakobb meta kien jgħix ma’ missier Rakele, Laban.

Ġakobb kellu wkoll xi bniet, imma l-Bibbja tagħti l-isem ta’ waħda minnhom biss. Kien jisimha Dina.

Wasal iż-żmien meta Ġakobb iddeċieda li jitlaq lil Laban u jmur lura f’Kangħan. Għalhekk, ġabar flimkien il-familja kbira tiegħu u l-imrieħel kbar ta’ nagħaġ u baqar, u beda l-vjaġġ twil.

Wara li Ġakobb u l-familja tiegħu kienu ilhom ftit li marru lura Kangħan, Rakele wildet iben ieħor. Dan ġara meta kienu qed jivvjaġġaw. Rakele batiet, u fl-aħħar mietet waqt li kienet qed tiled. Imma t-tarbija tifel salva. Ġakobb semmieh Benjamin.

Irridu niftakru l-ismijiet tat-12-il tifel ta’ Ġakobb għax il-ġens kollu t’Iżrael ġie minnhom. Infatti, it-12-il tribù t’Iżrael huma msemmijin għal 10 mis-subien ta’ Ġakobb u ż-żewġ subien ta’ Ġużeppi. Iżakk għex għal ħafna snin wara li twieldu dawn is-subien kollha, u bilfors li kien ferħan li kellu tant neputijiet. Imma ejja naraw xi ġralha n-neputija tiegħu Dina.

Ġenesi 29:32-35; 30:1-26; 35:16-19; 37:35.



Mistoqsijiet

  • X’kien jisimhom is-sitt subien li kellu Ġakobb mill-ewwel mara tiegħu, Lea?
  • Liema żewġ subien kellha l-qaddejja ta’ Lea, Żilfa, minn Ġakobb?
  • X’kien jisimhom iż-żewġ subien li kellha l-qaddejja ta’ Rakele, Bilħa, minn Ġakobb?
  • Liema żewġ subien kellha Rakele, imma x’ġara waqt li kienet qed tiled it-tieni iben?
  • Skont l-istampa, kemm kellu subien Ġakobb, u x’ġie minnhom?

Iktar mistoqsijiet