Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 15: Il-Mara ta’ Lot Ħarset Lura

Storja 15: Il-Mara ta’ Lot Ħarset Lura

LOT u l-familja tiegħu għexu flimkien m’Abraham fl-art ta’ Kangħan. Darba waħda Abraham qal lil Lot: ‘M’hawnx biżżejjed art għall-annimali tagħna kollha. Jekk jogħġbok, ejja ninfirdu. Jekk int tmur naħa, jien immur in-naħa l-oħra.’

Lot ta ħarsa lejn l-art ta’ madwaru. Hu ra post sabiħ ħafna li kellu l-ilma u ħafna ħaxix tajjeb għall-annimali tiegħu. Dawn kienu l-inħawi tal-Ġordan. Għalhekk, Lot ħa l-familja u l-annimali tiegħu hemmhekk. Fl-aħħar, marru jgħixu fil-belt ta’ Sodoma.

In-nies ta’ Sodoma kienu ħżiena ħafna. Dan inkwieta lil Lot, għax hu kien raġel tajjeb. Anki Alla inkwieta. Fl-aħħar, Alla bagħat żewġ anġli biex iwissu lil Lot li kien se jeqred lil Sodoma u l-belt ta’ Gomorra, li kienet fil-viċin, minħabba l-ħażen tagħhom.

L-anġli qalu lil Lot: ‘Ħaffef! Ħu lil martek u liż-żewġt ibniet tiegħek u oħroġ minn hawn!’ Lot u l-familja tiegħu qagħdu jaħsbuha biex jitilqu, u għalhekk l-anġli qabduhom minn idejhom u ħarġuhom mill-belt. Imbagħad, wieħed mill-anġli qal: ‘Iġru kemm tifilħu! Tħarsux lura. Iġru lejn l-għoljiet ħalli ma tinqatlux.’

Lot u t-tfal bniet tiegħu obdew u ħarbu minn Sodoma. Ma waqfux, lanqas darba, u ma ħarsux lura. Imma l-mara ta’ Lot m’obdietx. Wara li kienu tbiegħdu ftit minn Sodoma, hi waqfet u ħarset lura għax riedet ħafna dak li ħalliet warajha. Imbagħad, il-mara ta’ Lot saret kolonna tal-melħ. Qed taraha fl-istampa?

Nistgħu nitgħallmu lezzjoni tajba minn dan. Nitgħallmu li Alla jsalva lil dawk li jobduh, imma dawk li ma jobduhx se jitilfu l-ħajja tagħhom.

Ġenesi 13:5-13; 18:20-33; 19:1-29; Luqa 17:28-32; 2 Pietru 2:6-8.

Lot qed jaħrab minn Sodoma


Mistoqsijiet

  • Għala nfirdu Abraham u Lot?
  • Lot għala għażel li jgħix f’Sodoma?
  • Kif kienu n-nies ta’ Sodoma?
  • Żewġ anġli liema twissija taw lil Lot?
  • Il-mara ta’ Lot għala saret kolonna tal-melħ?
  • X’nistgħu nitgħallmu minn dak li ġara lill-mara ta’ Lot?

Iktar mistoqsijiet