Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 14: Alla Jgħaddi l-Fidi t’Abraham Minn Prova

Storja 14: Alla Jgħaddi l-Fidi t’Abraham Minn Prova

QED tara x’inhu jagħmel hawnhekk Abraham? Għandu sikkina f’idu, u donnu se joqtol lil ibnu. Kif qatt seta’ jagħmel xi ħaġa bħal din? L-ewwel, ejja naraw kif Abraham u Sara kellhom it-tifel.

Abraham qed joffri lil Iżakk

Ftakar, Alla kien wegħedhom li kien se jkollhom iben. Imma dan deher li kien impossibbli, għax Abraham u Sara kien xjaħu ħafna. Madankollu, Abraham emmen li Alla seta’ jagħmel dak li jidher impossibbli. Allura x’ġara?

Għaddiet sena sħiħa minn meta Alla għamel il-wegħda. Imbagħad, meta Abraham kellu 100 sena u Sara kellha 90 sena, kellhom tarbija tifel li kien jismu Iżakk. Alla kien żamm il-wegħda tiegħu!

Imma meta Iżakk kiber, Ġeħova għadda l-fidi t’Abraham minn prova. Hu għajjat: ‘Abraham!’ U Abraham wieġeb: ‘Hawn jien!’ Imbagħad Alla qal: ‘Ħu lil ibnek, l-uniku wieħed li għandek, Iżakk, u mur fuq il-muntanja li se nurik. Hemmhekk oqtol lil ibnek u offrih bħala sagrifiċċju.’

Kemm tnikket Abraham b’dan il-kliem, għax Abraham kien iħobb ħafna lil ibnu. U ftakar, Alla kien wiegħed li wlied Abraham kienu se jgħixu fl-art ta’ Kangħan. Imma dan kif kien se jiġri jekk Iżakk imut? Abraham ma fehemx, imma xorta waħda obda lil Alla.

Meta wasal fuq il-muntanja, Abraham rabat lil Iżakk u poġġieh fuq l-artal li kien bena. Imbagħad ħareġ is-sikkina biex joqtol lil ibnu. Imma eżatt f’dak il-ħin l-anġlu t’Alla għajjat: ‘Abraham, Abraham!’ U Abraham wieġeb: ‘Hawn jien!’

Alla qal: ‘Tweġġax lit-tifel u tagħmillu xejn. Issa naf li għandek il-fidi fija, għax ma żammejtx lura milli tagħtini lil ibnek, l-uniku wieħed li għandek.’

Kemm kellu fidi kbira Abraham f’Alla! Hu emmen li xejn mhu impossibbli għal Ġeħova, u li Ġeħova seta’ anki jqajjem lil Iżakk mill-mewt. Imma ma kinitx verament ir-rieda t’Alla li Abraham joqtol lil Iżakk. Allura, Alla ħalla nagħġa tinqabad f’xi siġar żgħar fil-viċin, u qal lil Abraham biex jissagrifika lilha minflok lil ibnu.

Ġenesi 21:1-7; 22:1-18.



Mistoqsijiet

  • Alla x’wiegħed lil Abraham, u kif żamm il-wegħda tiegħu?
  • Bħalma jidher fl-istampa, Alla kif għadda minn prova l-fidi t’Abraham?
  • Abraham x’għamel għalkemm ma fehemx għala Alla kkmandah biex jagħmel hekk?
  • X’ġara meta Abraham ħareġ is-sikkina biex joqtol lil ibnu?
  • Kemm kienet b’saħħitha l-fidi t’Abraham f’Alla?
  • Alla xi pprovda għal Abraham biex joffri sagrifiċċju, u kif?

Iktar mistoqsijiet