Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 13: Abraham—Ħabib t’Alla

Storja 13: Abraham—Ħabib t’Alla

WIEĦED mill-postijiet fejn marru jgħixu n-nies wara d-Dilluvju kien jismu Ur. Dan sar belt importanti b’xi djar sbieħ. Imma n-nies li kienu jgħixu hemm kienu jqimu lill-allat foloz. Anki f’Babel, hekk kienu jagħmlu. In-nies t’Ur u Babel ma kinux bħal Noè u ibnu Sem li baqgħu jaqdu lil Ġeħova.

Fl-aħħar, 350 sena wara d-dilluvju, ir-raġel leali Noè miet. Ir-raġel li qed tara fl-istampa twieled sentejn biss wara. Kien persuna speċjali ħafna għal Alla. Kien jismu Abraham. Kien jgħix mal-familja tiegħu fil-belt t’Ur.

Abraham qed iħares lejn il-kwiekeb

Darba minnhom, Ġeħova qal lil Abraham: ‘Itlaq minn Ur u lill-qraba tiegħek, u mur f’pajjiż li se nurik.’ Obda Abraham lil Alla u ħalla warajh il-kumditajiet kollha t’Ur? Iva. U kien għax Abraham dejjem obda lil Alla li sar magħruf bħala l-ħabib t’Alla.

Xi wħud mill-familja t’Abraham marru miegħu meta telaq minn Ur. Missieru, Teraħ, hekk għamel. U anki n-neputi tiegħu Lot. U m’għandniex xi ngħidu, il-mara t’Abraham, Sara, ukoll marret. Maż-żmien, kollha waslu f’post jismu Ħaran, fejn miet Teraħ. Kienu ’l bogħod ħafna minn Ur.

Wara ftit, Abraham u n-nies ta’ daru telqu minn Ħaran u waslu fl-art li jisimha Kangħan. Hemmhekk Ġeħova qal: ‘Din hi l-art li se nagħti lil uliedek.’ Abraham baqa’ f’Kangħan u għex fit-tined.

Alla beda jgħin lil Abraham, u b’hekk kellu mrieħel kbar ta’ nagħaġ u annimali oħrajn u mijiet ta’ qaddejja. Imma hu u Sara baqgħu bla tfal.

Meta Abraham kellu 99 sena, Ġeħova qallu: ‘Inwiegħdek li int se ssir missier ta’ ħafna ġnus ta’ nies.’ Imma dan kif seta’ jiġri ladarba Abraham u Sara issa kienu xjaħu wisq biex ikollhom it-tfal?

Ġenesi 11:27-32; 12:1-7; 17:1-8, 15-17; 18:9-19.



Mistoqsijiet

  • Liema xorta ta’ nies kienu jgħixu fil-belt t’Ur?
  • Min hu r-raġel fl-istampa, meta twieled, u fejn kien jgħix?
  • Alla x’qallu biex jagħmel lil Abraham?
  • Abraham għala ssejjaħ il-ħabib t’Alla?
  • Min mar m’Abraham meta telaq minn Ur?
  • Alla x’qal lil Abraham meta wasal fl-art ta’ Kangħan?
  • Meta Abraham kellu 99 sena, Alla x’wiegħdu?

Iktar mistoqsijiet