MHUWIEX dan tfajjel gustuż? Jismu Samwel. U r-raġel b’idu fuq ras Samwel hu Eli, il-qassis il-kbir t’Iżrael. Dawn huma missier u omm Samwel, Elkana u Ħanna, li qed iġibu lil Samwel għand Eli.

Samwel qed jiltaqa’ mal-qassis il-kbir Eli

Samwel għandu biss erba’ jew ħames snin. Imma hu se jgħix hawn fit-tabernaklu ta’ Ġeħova m’Eli u l-qassisin l-oħrajn. Elkana u Ħanna għala taw lil xi ħadd daqshekk żgħir bħal Samwel biex jaqdi fit-tabernaklu ta’ Ġeħova? Ejja naraw.

Kien xi ftit tas-snin qabel ġara dan li Ħanna kienet imdejqa ħafna. Ir-raġuni kienet li hi ma setax ikollha tarbija, u tant xtaqet waħda. Għalhekk, ġurnata waħda, meta Ħanna kienet qed iżżur it-tabernaklu ta’ Ġeħova, talbet: ‘O Ġeħova, tinsinix! Jekk tagħtini tifel inwiegħdek li nagħtihulek biex ikun jista’ jaqdik ħajtu kollha.’

Ġeħova wieġeb it-talba ta’ Ħanna, u xi xhur wara wildet lil Samwel. Ħanna kienet tħobb lit-tifel ċkejken tagħha u bdiet tgħallmu dwar Ġeħova meta kien għadu żgħir ħafna. Hi qalet lil żewġha: ‘Meta Samwel jikber biżżejjed u ma jkollux iżjed bżonn min jieħu ħsiebu, jien nieħdu fit-tabernaklu biex jaqdi lil Ġeħova hemm.’

Dan hu dak li qed narawhom jagħmlu lil Ħanna u Elkana fl-istampa. U minħabba li Samwel ġie mgħallem daqstant tajjeb mill-ġenituri tiegħu, hu ferħan li jista’ jaqdi lil Ġeħova hawn fit-tinda Tiegħu. Kull sena Ħanna u Elkana jiġu jqimu f’din it-tinda speċjali u jżuru lit-tifel ċkejken tagħhom. U kull sena Ħanna ġġib libsa ġdida bla kmiem li kienet tagħmel għal Samwel.

Hekk kif jibdew igerbu s-snin, Samwel jibqa’ jaqdi fit-tabernaklu ta’ Ġeħova u kemm Ġeħova u kemm in-nies jieħdu gost bih. Imma l-ulied tal-qassis il-kbir Eli, Ħofni u Fineħas, mhumiex nies tajbin. Jagħmlu ħafna affarijiet ħżiena, u jġiegħlu lil oħrajn biex huma wkoll ma jobdux lil Ġeħova. Eli għandu jneħħihom milli jaqdu bħala qassisin, imma ma jagħmilx dan.

Iż-żagħżugħ Samwel ma jħallix l-affarijiet ħżiena li qed iseħħu fit-tabernaklu jġegħluh jieqaf jaqdi lil Ġeħova. Imma minħabba li hemm ftit nies li verament iħobbu lil Ġeħova, għadda żmien twil mindu Ġeħova kellem lil xi bniedem. Meta Samwel jikber ftit, dan hu dak li jiġri:

Samwel ikun rieqed fit-tabernaklu meta jiġi mqajjem minn leħen. Hu jwieġeb: ‘Hawn jien.’ U jqum u jmur jiġri għand Eli u jgħidlu: ‘Sejjaħtli u hawn jien.’

Imma Eli jwieġbu: ‘Jien ma sejjaħtlekx; erġa’ mur orqod.’ Għalhekk, Samwel jerġa’ jmur jorqod.

Imbagħad jerġa’ jisma’ min isejjaħlu: ‘Samwel!’ Allura Samwel iqum u jerġa’ jmur għand Eli. ‘Int sejjaħtli u hawn jien,’ jgħid hu. Imma Eli jwieġbu: ‘Jien ma sejjaħtlekx, ibni. Erġa’ mur orqod.’ Allura Samwel jerġa’ jmur jorqod.

‘Samwel!’ jerġa’ jsejjaħlu l-leħen għat-tielet darba. Allura Samwel imur jiġri għand Eli. ‘Hawn jien, għaliex żgur li sejjaħtli din id-darba,’ jgħid hu. Eli jinduna issa li żgur Ġeħova qed isejjaħlu. Allura hu jgħid lil Samwel: ‘Erġa’ mur imtedd u jekk jerġa’ jsejjaħlek għandek tgħid: “Tkellem, Ġeħova, għax il-qaddej tiegħek qed jisma’.”’

Samwel hekk jgħidlu lil Ġeħova meta jerġa’ jsejjaħlu. Ġeħova mbagħad jgħid lil Samwel li se jikkastiga lil Eli u lil uliedu. Iktar tard Ħofni u Fineħas imutu f’battalja mal-Filistin, u meta Eli jisma’ b’dak li ġara hu jaqa’, jikser għonqu, u jmut ukoll. Għalhekk, il-kelma ta’ Ġeħova sseħħ.

Samwel jikber u jsir l-aħħar imħallef t’Iżrael. Meta jixjieħ in-nies jitolbuh: ‘Agħżel sultan biex jaħkem fuqna.’ Samwel ma jridx jagħmel dan, għaliex fir-realtà Ġeħova hu s-sultan tagħhom. Imma Ġeħova jgħidlu biex jagħti widen lin-nies.

1 Samwel 1:1-28; 2:11-36; 4:16-18; 8:4-9.



Mistoqsijiet

  • X’jismu t-tfajjel fl-istampa, u min huma l-oħrajn?
  • Liema talba tgħid Ħanna darba minnhom meta tkun qed iżżur it-tabernaklu ta’ Ġeħova, u Ġeħova kif iwiġibha?
  • Kemm għandu żmien Samwel meta jittieħed biex jaqdi fit-tinda ta’ Ġeħova u ommu x’tagħmillu kull sena?
  • X’jisimhom ulied Eli, u x’tip ta’ rġiel huma?
  • Ġeħova kif isejjaħlu lil Samwel, u x’messaġġ jagħtih?
  • Samwel xi jsir meta jikber, u x’jiġri meta jixjieħ?

Iktar mistoqsijiet