Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 52: Gidegħon u t-300 Raġel Tiegħu

Storja 52: Gidegħon u t-300 Raġel Tiegħu

QED tara x’inhu jiġri hawn? Dawn huma kollha gwerriera t’Iżrael. L-irġiel li huma baxxuti qed jixorbu. L-Imħallef Gidegħon hu r-raġel wieqaf viċin tagħhom. Qed jara kif qed jixorbu l-ilma.

Ħares sewwa lejn il-modi differenti kif l-irġiel qed jixorbu. Xi wħud qed iniżżlu wiċċhom eżatt mal-ilma. Imma wieħed qiegħed itella’ l-ilma b’idu ħalli jkun jista’ jara x’qed jiġri madwaru. Dan hu importanti, għax Ġeħova qal lil Gidegħon biex jagħżel biss lill-irġiel li jibqgħu għassa waqt li jixorbu. Alla qal li l-bqija għandhom jintbagħtu d-dar. Ejja naraw għala.

L-Iżraelin reġgħu qegħdin f’ħafna inkwiet. Dan għax m’obdewx lil Ġeħova. In-nies ta’ Midjan għandhom is-setgħa fuqhom u qed jaħqruhom. Għalhekk, l-Iżraelin isejħu lil Ġeħova għall-għajnuna, u Ġeħova jisma’ l-għajjat tagħhom.

Ġeħova jgħid lil Gidegħon biex jiġbor armata, u għalhekk Gidegħon jiġbor flimkien 32,000 gwerrier. Imma hemm armata ta’ 135,000 raġel kontra Iżrael. U madankollu, Ġeħova jgħid lil Gidegħon: ‘Għandek wisq irġiel.’ Għala jgħid hekk Ġeħova?

Huwa għaliex kieku Iżrael jirbħu l-gwerra, jistgħu jaħsbu li jkunu rebħu bil-ħila tagħhom stess. Jistgħu jaħsbu li m’għandhomx bżonn l-għajnuna ta’ Ġeħova biex jirbħu. Allura Ġeħova jgħid lil Gidegħon: ‘Għid lill-irġiel kollha li qed jibżgħu biex imorru lura d-dar.’ Meta Gidegħon jagħmel hekk, 22,000 mill-gwerriera tiegħu jmorru d-dar. Dan iħallih b’10,000 raġel biss biex jiġġieldu kontra dawk il-135,000 suldat kollha kemm huma.

Gidegħon jipprova lill-irġiel tiegħu

Imma, isma’! Ġeħova jgħid: ‘Xorta għad għandek wisq irġiel.’ Għalhekk jgħid lil Gidegħon biex iqabbad lill-irġiel jixorbu minn din ix-xmara u mbagħad jibgħat id-dar lil dawk in-nies kollha li jniżżlu wiċċhom mal-ilma biex jixorbu. Ġeħova jwiegħed: ‘Jien nagħtik ir-rebħa b’dawk it-300 raġel li baqgħu jgħassu waqt li xorbu.’

Jasal il-waqt tal-ġlieda. Gidegħon iqassam lit-300 raġel fi tliet gruppi. Hu jagħti lil kull raġel qarn, u ġarra b’torċa ġo fiha. Meta joqrob nofsillejl, jinġabru kollha madwar il-kamp tas-suldati għedewwa. Imbagħad, fl-istess ħin, kollha jdoqqu l-qarn u jkissru l-ġarar tagħhom, u jgħajtu: ‘Is-sejf ta’ Ġeħova u ta’ Gidegħon!’ Meta s-suldati għedewwa jqumu, jitħawdu u jibżgħu. Kollha jibdew jaħarbu, u l-Iżraelin jirbħu l-battalja.

Imħallfin kapitli 6 sa 8.



Mistoqsijiet

  • L-Iżraelin kif u għala jinsabu f’ħafna inkwiet?
  • Ġeħova għala jgħid lil Gidegħon li għandu wisq irġiel fl-armata tiegħu?
  • Kemm jibqgħu rġiel wara li Gidegħon jgħid lill-irġiel beżgħanin biex imorru lura d-dar?
  • Mill-istampa, spjega kif Ġeħova jnaqqas l-ammont tal-armata ta’ Gidegħon għal 300 raġel biss.
  • Gidegħon kif iqassam it-300 raġel tiegħu, u Iżrael kif jirbaħ il-battalja?

Iktar mistoqsijiet