Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 51: Rut u Nagħomi

Storja 51: Rut u Nagħomi

FIL-BIBBJA tista’ ssib ktieb jismu Rut. Huwa storja dwar familja li kienet tgħix fiż-żmien meta Iżrael kellu l-imħallfin. Rut hija mara żagħżugħa mill-art ta’ Mowab; mhijiex parti mill-ġens t’Alla, Iżrael. Imma meta Rut titgħallem dwar l-Alla l-veru Ġeħova, hi ssir tħobbu ħafna. Nagħomi hi mara akbar minnha li għenet lil Rut titgħallem dwar Ġeħova.

Nagħomi hi mara Iżraelija. Hi u r-raġel tagħha u ż-żewġ uliedha subien marru joqogħdu fl-art ta’ Mowab fi żmien meta ma tantx kien hemm ikel ġo Iżrael. Imbagħad, darba waħda r-raġel ta’ Nagħomi miet. Iktar tard, ulied Nagħomi żżewġu żewġ nisa Mowabin li kien jisimhom Rut u Għorfa. Imma wara xi 10 snin, iż-żewġ ulied ta’ Nagħomi mietu. Kemm kienu mnikktin Nagħomi u ż-żewġ nisa! Issa x’kienet se tagħmel Nagħomi?

Jum wieħed Nagħomi tiddeċiedi li tagħmel il-vjaġġ twil lura d-dar għand niesha. Rut u Għorfa jridu jibqgħu magħha, u għalhekk imorru wkoll. Iżda wara li jkunu ilhom ftit jivvjaġġaw fit-triq, Nagħomi ddur lejn in-nisa u tgħid: ‘Morru lura d-dar, u oqogħdu m’ommkom.’

Nagħomi tbus lin-nisa biex jitilqu. Huma jibdew jibku, għax iħobbuha ħafna lil Nagħomi. Jgħidu: ‘Le! Se niġu miegħek għand niesek.’ Imma Nagħomi twieġeb: ‘Għandkom tmorru lura, uliedi. Ikun aħjar għalikom f’darkom.’ Għalhekk, Għorfa tibda triqitha lura lejn id-dar. Imma Rut ma titlaqx.

Nagħomi ddur lejha u tgħid: ‘Għorfa telqet. Int mur lura d-dar magħha wkoll.’ Imma Rut twieġeb: ‘Tipprovax iġġegħelni nitilqek! Ħallini niġi miegħek. Fejn tmur int, se mmur jien, u fejn tgħix int, se ngħix jien. Niesek se jkunu niesi, u Alla tiegħek se jkun Alla tiegħi. Fejn tmut int se mmut jien, u hemmhekk nindifen.’ Meta Rut tgħid hekk, Nagħomi ma tibqax tipprova ġġegħelha tmur id-dar.

Fl-aħħar iż-żewġ nisa jaslu Iżrael. Huwa hawn li se jgħixu. Mill-ewwel Rut tibda taħdem fl-għelieqi, għax huwa ż-żmien li jinġabar ix-xgħir. Raġel li jismu Bogħaż iħalliha tiġbor ix-xgħir mill-għelieqi tiegħu. Taf min kienet omm Bogħaż? Kienet Raħab mill-belt ta’ Ġeriko.

Ġurnata minnhom, Bogħaż jgħid lil Rut: ‘Jien smajt dwarek, u kemm kont qalbek tajba ma’ Nagħomi. Naf kif ħallejt lil missierek u ommok u pajjiżek stess u kif ġejt biex tgħix fost poplu li qatt ma kont taf qabel. Jalla Ġeħova jkun twajjeb miegħek!’

Rut twieġeb: ‘Int qalbek tajba ħafna miegħi, sinjur. Ġegħeltni nħossni aħjar bil-mod sabiħ li kellimtni.’ Rut togħġbu ħafna lil Bogħaż, u ma jdumux ma jiżżewġu. Kemm tifraħ Nagħomi minħabba dan! Iżda Nagħomi tifraħ l-iżjed meta Rut u Bogħaż ikollhom l-ewwel iben, li jismu Għobed. Iktar tard Għobed isir in-nannu ta’ David, li iżjed ’il quddiem se nitgħallmu ħafna dwaru.

Rut u Nagħomi

Il-ktieb Bibliku ta’ Rut 1-4.



Mistoqsijiet

  • Nagħomi kif sabet ruħha fl-art ta’ Mowab?
  • Min huma Rut u Għorfa?
  • Rut u Għorfa kif iwieġbu meta Nagħomi tgħidilhom biex imorru lura għand nieshom?
  • Min hu Bogħaż, u kif jgħin lil Rut u Nagħomi?
  • X’jismu t-tifel ta’ Rut u Bogħaż, u għala għandna niftakruh?

Iktar mistoqsijiet