Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 50: Żewġ Nisa Kuraġġużi

Storja 50: Żewġ Nisa Kuraġġużi

META l-Iżraelin jidħlu fl-inkwiet, isejħu lil Ġeħova. Ġeħova jwiġibhom billi jagħti mexxejja kuraġġużi biex jgħinuhom. Il-Bibbja ssejjaħ lil dawn il-mexxejja mħallfin. Ġożwè kien l-ewwel imħallef, u ftit mill-imħallfin li ġew warajh kien jisimhom Għotnijel, Eħud, u Samgar. Imma tnejn min-nies li jgħinu lil Iżrael huma nisa li jisimhom Debora u Ġagħel.

Debora qed titkellem ma’ Barak

Debora hija profetessa. Ġeħova jgħidilha x’se jiġri fil-futur, u mbagħad hi tgħid lin-nies x’jgħid Ġeħova. Debora wkoll hi mħallef. Hi toqgħod bilqiegħda taħt siġra tal-palm fir-reġjun muntanjuż, u n-nies jiġu għandha ħalli tgħinhom bil-problemi tagħhom.

F’dan iż-żmien, Ġabin hu s-sultan ta’ Kangħan. Għandu 900 karru tal-gwerra. L-armata tiegħu tant hi b’saħħitha li ħafna mill-Iżraelin jiġu sforzati biex isiru l-qaddejja ta’ Ġabin. Il-kap tal-armata tas-Sultan Ġabin jismu Sisera.

Jum wieħed Debora tibgħat għall-Imħallef Barak, u tgħidlu: ‘Ġeħova qal: “Ħu 10,000 raġel u mexxihom lejn il-Muntanja Tabor. Hemmhekk inġiblek lil Sisera. U nagħtik ir-rebħa fuqu u fuq l-armata tiegħu.”’

Barak jgħid lil Debora: ‘Jien immur jekk int tiġi wkoll.’ Debora tmur, imma tgħid lil Barak: ‘M’intix se tieħu l-krettu għar-rebħa, għax Ġeħova se jagħti lil Sisera f’idejn mara.’ U hekk jiġri.

Barak jinżel mill-Muntanja Tabor biex jiltaqa’ mas-suldati ta’ Sisera. F’daqqa waħda Ġeħova jġib dilluvju, u ħafna mis-suldati tal-għadu jegħrqu. Imma Sisera jinżel mill-karru u jaħrab.

Barak, Ġagħel, u Sisera

Wara xi ftit Sisera jiġi ħdejn it-tinda ta’ Ġagħel. Tistiednu ġewwa, u tagħtih ftit ħalib. Dan iqabbdu n-ngħas, u malajr jorqod fil-fond. Imbagħad, Ġagħel tieħu musmar tat-tined u ssammru ġo ras dan ir-raġel ħażin. Iktar tard, meta jiġi Barak, hi turih lil Sisera mejjet! Għalhekk tista’ tara li dak li qalet Debora seħħ.

Fl-aħħar, is-Sultan Ġabin jinqatel ukoll, u l-Iżraelin għal darb’oħra għandhom il-paċi għal xi żmien.

Imħallfin 2:14-22; 4:1-24; 5:1-31.



Mistoqsijiet

  • Min huma l-imħallfin, u x’jisimhom uħud minnhom?
  • Xi privileġġ speċjali għandha Debora, u dan x’jinvolvi?
  • Meta Iżrael jiġi mhedded mis-Sultan Ġabin u l-kap tal-armata, Sisera, x’messaġġ mingħand Ġeħova tagħti Debora lill-Imħallef Barak, u hi min tgħid li se jieħu l-krettu?
  • Ġagħel kif turi li hi mara kuraġġuża?
  • X’jiġri wara l-mewt tas-Sultan Ġabin?

Iktar mistoqsijiet