Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 49: Ix-Xemx Ma Tiċċaqlaqx

Storja 49: Ix-Xemx Ma Tiċċaqlaqx

ARA Ġożwè. Qed jgħid: ‘Xemx, tiċċaqlaqx!’ U veru, ix-xemx tieqaf. Tibqa’ hemm eżatt f’nofs is-sema għal ġurnata sħiħa. Ġeħova jagħmel dan! Imma ejja naraw għala Ġożwè jrid li x-xemx tibqa’ tiddi.

Ix-xemx

Meta l-ħames slaten ħżiena fl-art ta’ Kangħan jibdew jiġġieldu kontra l-Gibegħonin, il-Gibegħonin jibagħtu raġel biex jitlob l-għajnuna ta’ Ġożwè. ‘Ejja għandna malajr!’ jgħidlu. ‘Salvana! Is-slaten kollha fil-pajjiż tal-għoljiet ġew biex jiġġieldu kontra l-qaddejja tiegħek.’

Mill-ewwel, Ġożwè u s-suldati kollha tiegħu jmorru. Jimmarċjaw il-lejl kollu. Meta jaslu Gibegħon, is-suldati tal-ħames slaten jibżgħu u jibdew jaħarbu. Imbagħad Ġeħova jġiegħel li jaqa’ silġ kbir mis-sema, u iżjed imutu suldati għax jintlaqtu minn dan is-silġ milli jinqatlu mis-suldati ta’ Ġożwè.

Ġożwè

Ġożwè jista’ jara li x-xemx dalwaqt tinżel. Se jidlam, u ħafna mis-suldati tal-ħames slaten se jaħarbu. Mela hu għalhekk li Ġożwè jitlob lil Ġeħova u mbagħad jgħid: ‘Xemx, tiċċaqlaqx!’ U meta x-xemx tibqa’ tiddi, l-Iżraelin jistgħu jkomplu jirbħu l-ġlieda.

Hemm ħafna iżjed slaten ħżiena ġo Kangħan li jobogħdu lin-nies t’Alla. Ġożwè u l-armata tiegħu jdumu madwar sitt snin biex jegħlbu l-31 sultan f’dik l-art. Meta jiġri dan, Ġożwè jara li l-art ta’ Kangħan titqassam fost dawk it-tribujiet li għad għandhom bżonn it-territorju.

Jgħaddu bosta snin, u Ġożwè fl-aħħar imut ta’ 110 snin. Sakemm idumu ħajjin hu u l-ħbieb tiegħu, in-nies jobdu lil Ġeħova. Imma meta dawn l-irġiel tajbin imutu, in-nies jibdew jagħmlu affarijiet ħżiena u jidħlu fl-inkwiet. Huwa f’dan iż-żmien li tassew jeħtieġu l-għajnuna t’Alla.

Ġożwè 10:6-15; 12:7-24; 14:1-5; Imħallfin 2:8-13.



Mistoqsijiet

  • Fl-istampa, x’qed jgħid Ġożwè, u għala?
  • Ġeħova kif għen lil Ġożwè u s-suldati tiegħu?
  • Ġożwè kemm jegħleb slaten għedewwa, u kemm idum biex jagħmel dan?
  • Ġożwè għala jqassam l-art ta’ Kangħan?
  • Kemm ikollu żmien Ġożwè meta jmut, u x’jiġri lin-nies wara li jmut?

Iktar mistoqsijiet