Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 48: Il-Gibegħonin Għaqlin

Storja 48: Il-Gibegħonin Għaqlin

ĦAFNA mill-bliet f’Kangħan issa jlestu biex jiġġieldu kontra Iżrael. Huma jaħsbu li jistgħu jirbħu. Imma n-nies fil-belt ta’ Gibegħon li hi fil-viċin ma jaħsbux hekk. Dawn jemmnu li Alla qed jgħin lill-Iżraelin, u ma jridux jiġġieldu kontra Alla. Allura taf x’jagħmlu l-Gibegħonin?

Jiddeċiedu li jagħmlu tabirruħhom li jgħixu xi mkien ’il bogħod ħafna. Għalhekk, ftit mill-irġiel jilbsu ħwejjeġ imqattgħin u sandlijiet qodma. Jgħabbu l-ħmir tagħhom bi xkejjer mherrijin, u jieħdu ftit ħobż qadim u niexef. Imbagħad imorru għand Ġożwè u jgħidu: ‘Aħna ġejna minn art ’il bogħod ħafna għax smajna dwar il-kbir Alla tagħkom, Ġeħova. Smajna dwar l-affarijiet kollha li għamel għalikom fl-Eġittu. Għalhekk il-mexxejja tagħna qalulna biex illestu xi ikel għall-vjaġġ u niġu u ngħidulkom: “Aħna l-qaddejja tagħkom. Wegħduna li ma tiġġildux kontrina.” Tistgħu taraw li ħwejjiġna therrew mill-vjaġġ twil u li ħobżna nixef u qdiem.’

Ġożwè u l-mexxejja l-oħrajn jemmnu lill-Gibegħonin. Għalhekk iwiegħdu li ma jiġġildux kontrihom. Imma tlett ijiem wara jsiru jafu li l-Gibegħonin fil-fatt jgħixu fil-viċin.

Ġożwè jistaqsihom: ‘Għalfejn għedtulna li ġejtu minn art ’il bogħod?’

Il-Gibegħonin iwieġbu: ‘Għamilna hekk għax qalulna li Alla tagħkom Ġeħova kien wiegħed li jagħtikom din l-art kollha ta’ Kangħan. Għalhekk bżajna li kontu se toqtluna.’ Imma l-Iżraelin iżommu l-wegħda tagħhom, u ma joqtlux lill-Gibegħonin. Minflok, jagħmluhom il-qaddejja tagħhom.

Is-sultan ta’ Ġerusalemm hu rrabjat għax il-Gibegħonin għamlu l-paċi m’Iżrael. Għalhekk jgħid lil erba’ slaten oħrajn: ‘Ejjew u għinuni niġġieled kontra Gibegħon.’ U hekk jagħmlu dawn il-ħames slaten. Kienu għaqlin il-Gibegħonin li għamlu l-paċi ma’ Iżrael, peress li dan wassal biex dawn is-slaten jiġu jiġġieldu kontrihom? Se naraw.

Ġożwè 9:1-27; 10:1-5.

Ġożwè u l-Gibegħonin


Mistoqsijiet

  • In-nies ta’ Gibegħon kif inhuma differenti mill-Kangħanin fil-bliet fil-qrib?
  • Bħalma turi l-istampa, x’jagħmlu l-Gibegħonin, u għala?
  • Ġożwè u l-mexxejja Iżraelin xi jwiegħdu lill-Gibegħonin, imma xi jsiru jafu tlett ijiem wara?
  • X’jiġri meta slaten fi bliet oħrajn isiru jafu li l-Gibegħonin għamlu l-paċi ma’ Iżrael?

Iktar mistoqsijiet