Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 47: Ħalliel f’Iżrael

Storja 47: Ħalliel f’Iżrael
Għakan qed jaħbi dak li seraq

ARA x’qed jaħbi dan ir-raġel fit-tinda tiegħu! Libsa sabiħa, u ingott tad-deheb, u xi biċċiet tal-fidda. Dawn ħadhom mill-belt ta’ Ġeriko. Iżda x’kellu jsir bl-affarijiet f’Ġeriko? Tiftakar?

Suppost kellhom jinqerdu, u d-deheb u l-fidda kellhom jingħataw lit-teżorerija tat-tabernaklu ta’ Ġeħova. Allura dawn in-nies m’obdewx ’l Alla. Huma serqu dak li hu t’Alla. Ir-raġel jismu Għakan, u dawk li hemm miegħu huma membri tal-familja tiegħu. Ejja naraw x’jiġri.

Wara li Għakan jisraq dawn l-affarijiet, Ġożwè jibgħat xi rġiel biex jiġġieldu kontra l-belt t’Għaj. Imma ma jirbħux il-battalja. Xi wħud minnhom jinqatlu, u l-bqija jaħarbu. Ġożwè jinsab imdejjaq ħafna. Jinxteħet wiċċu fl-art u jitlob lil Ġeħova: ‘Għala ħallejt li jiġrilna dan?’

Ġeħova jwieġeb: ‘Qum! Iżrael dineb. Ħadu ftit mill-affarijiet li kellhom jinqerdu jew jingħataw lit-tabernaklu ta’ Ġeħova. Serqu libsa sabiħa u ma wrew lil ħadd biha. Jien m’iniex se nberikkom qabel ma teqirdu lilha, u lil dak li ħa dawn l-affarijiet.’ Ġeħova jgħid li se juri lil Ġożwè min kien dak ir-raġel ħażin.

Għalhekk, Ġożwè jiġbor lill-poplu kollu flimkien, u minnhom Ġeħova jagħżel ir-raġel ħażin Għakan. Għakan jgħid: ‘Dnibt. Rajt libsa sabiħa, u l-ingott tad-deheb u l-biċċiet tal-fidda. Tant ridthom li ħadthom. Issibuhom moħbijin fit-tinda tiegħi.’

Meta jinstabu dawn l-affarijiet u jinġiebu għand Ġożwè, hu jgħid lil Għakan: ‘Għala ġibt dan l-inkwiet fuqna? Issa Ġeħova se jġib l-inkwiet fuqek!’ Imbagħad il-poplu kollu jħaġġar lil Għakan u lill-familja tiegħu sakemm imutu. Ma juriniex dan li qatt m’għandna nieħdu affarijiet li ma jkunux tagħna?

Wara dan, Iżrael għal darb’oħra joħroġ jiġġieled kontra Għaj. Din id-darba Ġeħova jgħin lill-poplu tiegħu u huma jirbħu l-battalja.

Ġożwè 7:1-26; 8:1-29.



Mistoqsijiet

  • Fl-istampa, min hu r-raġel li qed jaħbi t-teżori li ħa minn Ġeriko, u min huma n-nies li qed jgħinuh?
  • Għala hu daqshekk serju dak li għamlu Għakan u l-familja tiegħu?
  • Ġeħova x’jgħid meta Ġożwè jistaqsi għala l-Iżraelin tilfu l-battalja f’Għaj?
  • X’jiġrilhom Għakan u l-familja tiegħu wara li jinġiebu quddiem Ġożwè?
  • X’lezzjoni importanti nitgħallmu mill-ġudizzju li ġie fuq Għakan?

Iktar mistoqsijiet