Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 43: Ġożwè Jsir Mexxej

Storja 43: Ġożwè Jsir Mexxej

MOSÈ jrid jidħol f’Kangħan mal-Iżraelin. Għalhekk jistaqsi: ‘Ġeħova, ħallini naqsam ix-Xmara Ġordan, u nara l-art it-tajba.’ Imma Ġeħova jgħid: ‘Biżżejjed! Terġax issemmiha darb’oħra!’ Taf għala jgħid hekk Ġeħova?

Minħabba dak li ġara meta Mosè ħabbat fuq il-blata. Ftakar, hu u Aron ma tawx it-tifħir lil Ġeħova. Ma qalux lin-nies li kien Ġeħova li kien qed joħroġ l-ilma mill-blata. Minħabba f’hekk, Ġeħova qal li ma kienx se jħallihom jidħlu f’Kangħan.

Għalhekk ftit xhur wara li jmut Aron, Ġeħova jgħid lil Mosè: ‘Ħu lil Ġożwè, u ġibu quddiem Elegħażar il-qassis u quddiem il-poplu. U hemm quddiemhom kollha, għid lil kulħadd li Ġożwè hu l-mexxej il-ġdid tagħhom.’ Mosè jagħmel eżatt kif jgħidlu Ġeħova, kif tista’ tara fl-istampa.

Mosè qed iħabbar lil Ġożwè bħala mexxej

Imbagħad Ġeħova jgħid lil Ġożwè: ‘Kun kuraġġuż, u tibżax. Int se tmexxi lill-Iżraelin għal ġol-art ta’ Kangħan li jien wegħedthom, u jien se nkun magħkom.’

Iktar tard Ġeħova jgħid lil Mosè biex jitla’ fuq l-iktar parti għolja tal-Muntanja Nebo fl-art ta’ Mowab. Minn hemm fuq Mosè jista’ jħares san-naħa l-oħra tax-Xmara Ġordan u jara l-art sabiħa ta’ Kangħan. Ġeħova jgħid: ‘Din hi l-art li jien wegħedt li nagħti lit-tfal t’Abraham, Iżakk, u Ġakobb. Ħallejtek taraha, imma ma nħallikx tmur ġo fiha.’

Hemmhekk fuq il-Muntanja Nebo, Mosè jmut. Kellu 120 sena. Kien għadu b’saħħtu, u kien għadu jara tajjeb. In-nies jitnikktu ħafna u jibku għax miet Mosè. Imma huma ferħanin li għandhom lil Ġożwè bħala l-mexxej ġdid tagħhom.

Numri 27:12-23; Dewteronomju 3:23-29; 31:1-8, 14-23; 32:45-52; 34:1-12.



Mistoqsijiet

  • Fl-istampa, min huma ż-żewġt irġiel bilwieqfa ma’ Mosè?
  • Ġeħova x’jgħid lil Ġożwè?
  • Mosè għala jitla’ sal-iktar parti għolja tal-Muntanja Nebo, u Ġeħova x’jgħidlu?
  • Kemm ikollu żmien Mosè meta jmut?
  • In-nies għala huma mnikktin, imma x’raġuni għandhom biex jifirħu?

Iktar mistoqsijiet