Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 42: Ħmara Titkellem

Storja 42: Ħmara Titkellem

QATT smajt dwar ħmara li titkellem? Probabbli tgħid: ‘Le. L-annimali ma jistgħux jitkellmu.’ Imma l-Bibbja tirrakkonta dwar ħmara li tkellmet. Ejja naraw kif ġara dan.

Anġlu

L-Iżraelin huma kważi lesti biex jidħlu fl-art ta’ Kangħan. Balak, is-sultan ta’ Mowab, qed jibża’ mill-Iżraelin. Għalhekk, jibgħat għal raġel jilħaqlu li jismu Balgħam biex jiġi u jisħet lill-Iżraelin. Balak iwiegħed li se jagħti ħafna flus lil Balgħam, u għalhekk Balgħam jirkeb fuq il-ħmara tiegħu u jitlaq biex jara lil Balak.

Ġeħova ma jridx li Balgħam jisħet lill-poplu Tiegħu. Għalhekk jibgħat anġlu b’sejf twil biex jieqaf fit-triq ħalli jwaqqaf lil Balgħam. Balgħam ma jistax jara lill-anġlu, imma l-ħmara tista’. Allura l-ħmara tibqa’ tipprova ddur lil hinn mill-anġlu, u fl-aħħar sempliċement tinxteħet fl-art fit-triq. Balgħam jirrabja ħafna, u jsawwat lill-ħmara b’ħatar.

Imbagħad Ġeħova jġiegħel lil Balgħam jisma’ l-ħmara tiegħu tkellmu. Il-ħmara tistaqsi: ‘X’għamiltlek biex qed issawwatni?’

Balgħam fuq ħmara

Balgħam jgħid: ‘Int għaddejtni biż-żmien. Kieku kelli sejf kont noqtlok!’

‘Qatt xi darba għamiltlek hekk qabel?’ tistaqsi l-ħmara.

‘Le,’ iwieġeb Balgħam.

Imbagħad Ġeħova jħalli ’l Balgħam jara lill-anġlu bis-sejf wieqaf fit-triq. L-anġlu jgħid: ‘Għalfejn sawwatt lill-ħmara tiegħek? Jien ġejt biex nagħlaqlek triqtek, għax ma jmissekx sejjer biex tisħet lil Iżrael. Li kieku l-ħmara tiegħek ma daritx minni, jien kont noqtlok, imma ma kontx inweġġa’ lill-ħmara tiegħek.’

Balgħam jgħid: ‘Dnibt. Ma kontx naf li int kont wieqaf fit-triq.’ L-anġlu jħalli ’l Balgħam jitlaq, u Balgħam jibqa’ sejjer biex jara ’l Balak. Xorta jipprova jisħet lil Iżrael, imma, minflok, Ġeħova jġiegħlu jbierek lil Iżrael tliet darbiet.

Numri 21:21-35; 22:1-40; 23:1-30; 24:1-25.



Mistoqsijiet

  • Min hu Balak, u għala jibgħat għal Balgħam?
  • Il-ħmara ta’ Balgħam għala tinxteħet mal-art fit-triq?
  • Balgħam x’jisma’ lill-ħmara tgħid?
  • L-anġlu x’jgħid lil Balgħam?
  • X’jiġri meta Balgħam jipprova jisħet lil Iżrael?

Iktar mistoqsijiet