Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 41: Is-Serp tar-Ram Aħmar

Storja 41: Is-Serp tar-Ram Aħmar
Mosè u s-serp tar-ram aħmar

DAK is-serp imdawwar mal-arblu qisu serp ta’ veru, hux? Imma mhuwiex. Is-serp huwa tar-ram aħmar. Ġeħova qal lil Mosè biex ipoġġi s-serp mal-arblu biex in-nies ikunu jistgħu jħarsu lejh u jibqgħu ħajjin. Imma s-sriep l-oħrajn mal-art huma ta’ veru. Dawn gidmu lin-nies u marrduhom. Taf għala?

Għax l-Iżraelin tkellmu kontra Alla u Mosè. Huma jgergru: ‘Għalfejn ħriġtna mill-Eġittu biex immutu f’dan id-deżert? M’hawnx ikel jew ilma hawn. U xbajna nieklu din il-manna.’

Iżda l-manna hija ikel tajjeb. Ġeħova tahielhom permezz ta’ miraklu. U permezz ta’ miraklu tahom l-ilma wkoll. Imma n-nies mhumiex grati għall-mod kif Alla ħa ħsiebhom. Allura Ġeħova jibgħat dawn is-sriep velenużi biex jikkastiga lill-Iżraelin. Is-sriep jigdmuhom, u ħafna minnhom imutu.

Iżraelin migdumin mis-sriep

Fl-aħħar in-nies jiġu għand Mosè u jgħidu: ‘Aħna dnibna, għax tkellimna kontra Ġeħova u kontrik. Issa itlob lil Ġeħova biex ineħħi dawn is-sriep.’

Għalhekk, Mosè jitlob għan-nies. U Ġeħova jgħid lil Mosè biex jagħmel dan is-serp tar-ram aħmar. Jgħidlu biex ipoġġih fuq arblu, u li kull min ingidem għandu jħares lejh. Mosè jagħmel eżatt kif jgħidlu Alla. U n-nies li kienu ngidmu jħarsu lejn is-serp tar-ram aħmar u jfiqu.

Hemm tagħlima x’nitgħallmu minn dan. Aħna kollha, b’xi mod, bħal dawn l-Iżraelin li ngidmu mis-sriep. Aħna kollha qed immutu. Ħares madwarek, u se tara li n-nies jixjieħu, jimirdu, u jmutu. Dan għax l-ewwel raġel u mara, Adam u Eva, taw daharhom lil Ġeħova, u aħna kollha t-tfal tagħhom. Iżda Ġeħova għamilha possibbli li ngħixu għal dejjem.

Ġeħova bagħat lil Ibnu, Ġesù Kristu, fuq l-art. Ġesù ġie mdendel fuq zokk, għax ħafna nies ħasbu li kien raġel ħażin. Imma Ġeħova ta lil Ġesù biex isalvana. Jekk aħna nħarsu lejh, jekk nimxu warajh, imbagħad jista’ jkollna l-ħajja ta’ dejjem. Imma ħa nitgħallmu dwar dan iktar ’il quddiem.

Numri 21:4-9; Ġwanni 3:14, 15.



Mistoqsijiet

  • Fl-istampa x’hemm imdawwar mal-arblu, u Ġeħova għala qal lil Mosè biex ipoġġi s-serp hemm?
  • In-nies kif juru li mhumiex grati għal dak kollu li Alla għamel għalihom?
  • In-nies x’jistaqsu lil Mosè biex jagħmel wara li Ġeħova jibgħat is-sriep velenużi biex jikkastigahom?
  • Ġeħova għala jgħid lil Mosè biex jagħmel serp tar-ram aħmar?
  • X’tagħlima nistgħu nitgħallmu minn din l-istorja?

Iktar mistoqsijiet