Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 40: Mosè Jħabbat fuq il-Blata

Storja 40: Mosè Jħabbat fuq il-Blata

TGĦADDI sena wara l-oħra—10 snin, 20 sena, 30 sena, 39 sena! U l-Iżraelin għadhom fid-deżert. Imma matul dawn is-snin kollha Ġeħova ħa ħsieb in-nies tiegħu. Tahom l-ikel permezz tal-manna. Matul il-jum mexxiehom permezz ta’ kolonna tas-sħab u bil-lejl permezz ta’ kolonna tan-nar. U matul dawn is-snin kollha ħwejjiġhom ma qdimux u riġlejhom ma weġgħuhomx.

Issa hu l-ewwel xahar tal-40 sena mindu telqu mill-Eġittu. L-Iżraelin jerġgħu jagħmlu l-kamp f’Kades. Dan hu fejn kienu meta t-12-il spija ntbagħtu biex jitkixxfu l-art ta’ Kangħan kważi 40 sena qabel. Oħt Mosè, Mirjam, tmut f’Kades. U bħal qabel, jinqala’ l-inkwiet hawnhekk.

In-nies ma jistgħux isibu qatra ilma. Għalhekk igergru ma’ Mosè u jgħidu: ‘Kien ikun aħjar kieku mitna. Għalfejn ħriġtna mill-Eġittu għal ġo dan il-post terribbli fejn ma jikber xejn? La hawn qamħ, la tin, la għeneb, la rummien, u lanqas ilma x’nixorbu.’

Mosè qed iħabbat fuq il-blata

Meta Mosè u Aron imorru fit-tabernaklu biex jitolbu, Ġeħova jgħid lil Mosè: ‘Iġbor lin-nies flimkien. Imbagħad quddiemhom kollha kellem lil dik il-blata t’hemm. Minnha se joħroġ biżżejjed ilma għan-nies u l-annimali kollha tagħhom.’

Għalhekk, Mosè jiġbor lin-nies, u jgħid: ‘Isimgħu intom li ma tafdawx f’Alla! Tridu li jien u Aron noħorġulkom l-ilma minn din il-blata?’ Imbagħad Mosè jħabbat fuq il-blata darbtejn b’bastun, u ħafna ilma ġieri joħroġ b’saħħa minn ġol-blata. Hemm biżżejjed ilma biex jixorbu n-nies u l-annimali kollha.

Imma Ġeħova hu rrabjat għal Mosè u Aron. Taf għala? Għax Mosè u Aron qalu li huma kienu se joħorġu l-ilma mill-blata. Imma fil-verità Ġeħova kien għamel hekk. U peress li Mosè u Aron ma qalux il-verità dwar dan, Ġeħova jgħid li se jikkastigahom. Huwa jgħid: ‘M’intomx se ddaħħlu lill-poplu tiegħi ġewwa Kangħan.’

Ftit wara l-Iżraelin jitilqu minn Kades. Wara ftit taż-żmien jaslu qrib il-Muntanja Ħor. Hawnhekk, fuq il-muntanja, imut Aron. Ikollu 123 sena meta jmut. L-Iżraelin huma mnikktin ferm, u għalhekk għal 30 jum il-poplu kollu jibki lil Aron. Ibnu Elegħażar jilħaq qassis il-kbir tal-ġens t’Iżrael.

Numri 20:1-13, 22-29; Dewteronomju 29:5; Neħemija 9:21.



Mistoqsijiet

  • Ġeħova kif jieħu ħsieb lill-Iżraelin waqt li jkunu fid-deżert?
  • L-Iżraelin dwar xiex igergru meta jkunu qed jikkampjaw f’Kades?
  • Ġeħova kif jipprovdi ilma għan-nies u l-annimali tagħhom?
  • Fl-istampa, min hu r-raġel li qed jipponta lejh innifsu, u għala qed jagħmel hekk?
  • Ġeħova għala jirrabja ma’ Mosè u Aron, u kif jiġu kastigati?
  • X’jiġri fuq il-Muntanja Ħor, u min isir il-qassis il-kbir t’Iżrael?

Iktar mistoqsijiet