ARA l-fjuri u l-lewż misjur li ħarġu minn dan il-bastun. Dan hu l-bastun t’Aron. Dawn il-fjuri u l-frott misjur ħarġu mill-bastun t’Aron f’lejl wieħed biss! Ejja naraw għala.

Mosè qed jagħti lil Aron il-bastun li ħarġu l-fjuri minnu

L-Iżraelin issa ilhom ftit jiġġerrew fid-deżert. Uħud min-nies ma jaħsbux li Mosè għandu jkun il-mexxej, jew li Aron għandu jkun il-qassis il-kbir. Koraħ hu wieħed li jaħseb b’dan il-mod, u anki Datan, Abiram, u 250 mexxej tan-nies jaħsbu hekk. Dawn kollha jiġu u jgħidu lil Mosè: ‘Kif inhi li int qegħedt lilek innifsek fuqna lkoll?’

Mosè jgħid lil Koraħ u lis-segwaċi tiegħu: ‘Għada filgħodu ħudu r-reċipjenti, u itfgħu l-inċens fihom. Imbagħad, ejjew fit-tabernaklu ta’ Ġeħova. Se naraw lil min jagħżel Ġeħova.’

L-għada Koraħ u l-250 segwaċi tiegħu jiġu sat-tabernaklu. Ħafna oħrajn jiġu biex jappoġġaw lil dawn l-irġiel. Ġeħova hu rrabjat ħafna. Mosè jgħid: ‘Ersqu minn ħdejn it-tined ta’ dawn l-irġiel ħżiena. Tmissu xejn li hu tagħhom.’ In-nies jobdu, u jersqu minn ħdejn it-tined ta’ Koraħ, Datan, u Abiram.

Imbagħad Mosè jgħid: ‘Minn dan tkunu tafu lil min għażel Ġeħova. L-art se tinfetaħ u se tibla’ lil dawn l-irġiel ħżiena.’

Malli jieqaf jitkellem Mosè, l-art tinfetaħ. It-tined ta’ Koraħ u dak kollu li kellu u Datan u Abiram u dawk li kienu magħhom jaqgħu u l-art tingħalaq fuqhom. Meta n-nies jisimgħu l-għajjat ta’ dawk li waqgħu ġol-art, jibdew jgħajtu: ‘Iġru, li ma tmurx l-art tibla’ lilna wkoll!’

Koraħ u l-250 segwaċi tiegħu għadhom ħdejn it-tabernaklu. Għalhekk, Ġeħova jibgħat in-nar, u kollha kemm huma jinħarqu. Imbagħad, Ġeħova jgħid lit-tifel t’Aron, Elegħażar, biex jieħu r-reċipjenti tal-inċens tal-irġiel mejtin u jagħmel kisja rqiqa għall-artal bihom. Din il-kisja tal-artal għandha tkun ta’ twissija għall-Iżraelin li ħadd ħlief Aron u wliedu m’għandu jagħmilha ta’ qassis għal Ġeħova.

Imma Ġeħova jrid jagħmilha ċara li hu kien għażel lil Aron u wliedu biex ikunu qassisin. Għalhekk jgħid lil Mosè: ‘Għid lil mexxej minn kull tribù biex iġib il-bastun tiegħu. Mit-tribù ta’ Levi, Aron għandu jġib il-bastun tiegħu. Imbagħad poġġi kull wieħed minn dawn il-bsaten quddiem l-arka tal-patt fit-tabernaklu. Se joħorġu l-fjuri mill-bastun tar-raġel li għażilt biex ikun il-qassis.’

Meta l-għada filgħodu Mosè jittawwal, ara, il-bastun t’Aron għandu dawn il-fjuri u l-lewż misjur ħerġin minnu! Mela qed tara issa għala Ġeħova ġiegħel li l-bastun t’Aron joħroġ il-fjuri?

Numri 16:1-49; 17:1-11; 26:10.



Mistoqsijiet

  • Min jirribella kontra l-awtorità ta’ Mosè u Aron, u x’jgħidu lil Mosè?
  • Mosè x’jgħid lil Koraħ u lill-250 segwaċi tiegħu biex jagħmlu?
  • Mosè x’jgħid lin-nies, u x’jiġri malli jieqaf jitkellem?
  • X’jiġri lil Koraħ u lill-250 segwaċi tiegħu?
  • Elegħażar, it-tifel t’Aron, x’jagħmel bir-reċipjenti tal-inċens tal-irġiel mejtin, u għala?
  • Ġeħova għala jġiegħel li joħorġu l-fjuri mill-bastun t’Aron? (Ara l-istampa.)

Iktar mistoqsijiet