Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 35: Ġeħova Jagħti l-Liġijiet Tiegħu

Storja 35: Ġeħova Jagħti l-Liġijiet Tiegħu

XI XAHREJN wara li jitilqu mill-Eġittu, l-Iżraelin jiġu ħdejn il-Muntanja Sinaj, li tissejjaħ ukoll Ħoreb. Dan hu l-istess post fejn Ġeħova kellem lil Mosè mill-għollieqa taqbad. In-nies jifirxu t-tined hawnhekk, u jibqgħu hawn għal xi żmien.

Hekk kif in-nies jistennew taħt il-muntanja, Mosè jitla’ fuqha. Hemm fuq, Ġeħova jgħid lil Mosè li Hu jrid li l-Iżraelin jobdu Lilu u jsiru l-poplu speċjali Tiegħu. Meta Mosè jinżel, hu jgħid lill-Iżraelin x’kien qallu Ġeħova. U n-nies jgħidu li se jobdu lil Ġeħova għax iridu jkunu l-poplu tiegħu.

Ġeħova issa jagħmel xi ħaġa stramba. Hu jġiegħel li joħroġ id-duħħan minn fuq il-muntanja, u jġiegħel li jkun hemm ragħad qawwi. Ukoll, hu jkellem lin-nies: ‘Jien Ġeħova Alla tagħkom li ħriġtkom mill-Eġittu.’ Imbagħad hu jikkmanda: ‘M’għandkomx tqimu allat oħrajn ħlief lili.’

Żewġ twavel tal-ġebel

Alla jagħti lill-Iżraelin disa’ kmandamenti, jew liġijiet, oħrajn. In-nies jibżgħu ħafna. Huma jgħidu lil Mosè: ‘Kellimna int, għaliex qed nibżgħu li jekk ikellimna Alla mmutu.’

Iktar tard, Ġeħova jgħid lil Mosè: ‘Itla’ ħdejja fuq il-muntanja. Se nagħtik żewġ ġebliet ċatti li fuqhom ktibt il-liġijiet li rrid lin-nies iżommu magħhom.’ Għalhekk, Mosè jerġa’ jitla’ fuq il-muntanja. Hu jibqa’ hemm fuq għal 40 jum u lejl.

Alla għandu ħafna u ħafna liġijiet għall-poplu tiegħu. Mosè jniżżilhom bil-miktub. Ukoll, Alla jagħti lil Mosè ż-żewġ ġebliet ċatti. Fuqhom, Alla nnifsu kiteb l-10 liġijiet li qal lin-nies kollha. Jissejħu l-Għaxar Kmandamenti.

Mosè ħdejn il-Muntanja Sinaj

L-Għaxar Kmandamenti huma liġijiet importanti. Imma anki l-ħafna liġijiet oħrajn li Alla jagħti lill-Iżraelin huma importanti. Waħda minn dawn il-liġijiet tgħid: ‘Għandek tħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’moħħok kollu, b’ruħek kollha, u b’saħħtek kollha.’ Liġi oħra hi: ‘Trid tħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’ L-Iben t’Alla, Ġesù Kristu, qal li dawn huma l-akbar żewġ liġijiet li Ġeħova ta lill-poplu tiegħu Iżrael. Iktar tard se nitgħallmu ħafna affarijiet dwar l-Iben t’Alla u t-tagħlim tiegħu.

Eżodu 19:1-25; 20:1-21; 24:12-18; 31:18; Dewteronomju 6:4-6; Levitiku 19:18; Mattew 22:36-40.



Mistoqsijiet

  • Xi xahrejn wara li ħarġu mill-Eġittu, l-Iżraelin fejn firxu t-tined?
  • Ġeħova x’jgħid li jridhom jagħmlu lin-nies, u huma kif iwieġbu?
  • Ġeħova għala jagħti lil Mosè żewġ ġebliet ċatti?
  • Minbarra l-Għaxar Kmandamenti, liema liġijiet oħrajn tahom Ġeħova lill-Iżraelin?
  • Ġesù Kristu liema żewġ liġijiet qal li huma l-akbar?

Iktar mistoqsijiet