Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 98: Fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ

Storja 98: Fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ

DAN hu Ġesù fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ. L-erbat irġiel li qegħdin miegħu huma l-appostli tiegħu. Huma l-aħwa Indrì u Pietru, u wkoll l-aħwa Ġakbu u Ġwanni. Dak hu t-tempju t’Alla f’Ġerusalemm li tista’ tara hemm fil-bogħod.

Għaddew jumejn minn mindu Ġesù daħal f’Ġerusalemm riekeb fuq felu ta’ ħmara. Hija l-ġurnata tat-Tlieta. Iktar kmieni fil-ġurnata Ġesù kien fit-tempju. Hemmhekk, il-qassisin ipprovaw jaqbdu lil Ġesù biex joqtluh. Imma beżgħu jagħmlu dan għax in-nies iħobbu lil Ġesù.

Ġesù u l-appostli tiegħu

Ġesù sejjaħ lil dawk il-mexxejja reliġjużi: ‘Ja sriep u wlied is-sriep!’ Imbagħad, Ġesù qal li Alla kien se jikkastigahom minħabba l-affarijiet ħżiena kollha li kienu għamlu. Wara dan, Ġesù tela’ fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ, u mbagħad dawn l-erba’ appostli bdew jistaqsuh xi mistoqsijiet. Taf x’qed jistaqsu lil Ġesù?

L-appostli qed jistaqsu dwar affarijiet li se jiġru fil-futur. Huma jafu li Ġesù se jtemm il-ħażen kollu fuq l-art. Imma jridu jkunu jafu meta se jiġri dan kollu. Ġesù meta se jerġa’ jiġi biex jaħkem bħala s-Sultan?

Ġesù jaf li s-segwaċi tiegħu fuq l-art mhux se jkunu jistgħu jarawh meta jerġa’ jiġi. Dan għaliex se jkun fis-sema, u ma jistgħux jarawh hemmhekk. Għalhekk, Ġesù jgħid lill-appostli tiegħu ftit mill-affarijiet li se jkunu qed jiġru fuq l-art meta hu jkun qed jaħkem bħala s-Sultan fis-sema. X’inhuma xi ftit minn dawn l-affarijiet?

Ġesù jgħid li se jkun hemm gwerer kbar, ħafna nies se jkunu morda u bil-ġuħ, il-kriminalità se tmur għall-agħar, u se jkun hemm terremoti kbar. Ġesù jgħid ukoll li l-aħbar tajba dwar is-Saltna t’Alla se tixxandar kullimkien fuq l-art. Rajna aħna dawn l-affarijiet jiġru fi żmienna? Iva! U għalhekk nistgħu nkunu ċerti li bħalissa Ġesù qed jaħkem fis-sema. Dalwaqt se jġib fi tmiem il-ħażen kollu fuq l-art.

Mattew 21:46; 23:1-39; 24:1-14; Marku 13:3-10.



Mistoqsijiet

  • Fl-istampa, liema raġel hu Ġesù, u min hemm miegħu?
  • Il-qassisin xi pprovaw jagħmlu lil Ġesù fit-tempju, u Ġesù x’qalilhom?
  • L-appostli x’jistaqsu lil Ġesù?
  • Ġesù għala jgħid lill-appostli tiegħu ftit mill-affarijiet li se jkunu qed jiġru fuq l-art meta jkun qed jaħkem bħala s-Sultan mis-sema?
  • Ġesù x’jgħid li se jiġri qabel ma jġib fi tmiem il-ħażen kollu fuq l-art?

Iktar mistoqsijiet