Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 97: Ġesù Jiġi Bħala s-Sultan

Storja 97: Ġesù Jiġi Bħala s-Sultan

FTIT wara li jfejjaq liż-żewġ tallaba għomja, Ġesù jasal f’raħal żgħir ħdejn Ġerusalemm. Hu jgħid lil tnejn mid-dixxipli tiegħu: ‘Idħlu fir-raħal u se ssibu felu ta’ ħmara. Ħolluh u ġibuhuli.’

Meta jġibulu l-ħmar, Ġesù joqgħod bilqiegħda fuqu. Imbagħad jirkbu sa Ġerusalemm li hi ftit ’il bogħod minn fejn huma. Meta jasal qrib il-belt, folla kbira ta’ nies joħorġu jiltaqgħu miegħu. Ħafna minnhom jinżgħu l-libsa ta’ fuq u jifirxuha fit-triq. Oħrajn jaqtgħu friegħi mis-siġar tal-palm. Huma jpoġġu dawn fit-triq ukoll, u jgħajtu: ‘Ħa jkun imbierek minn Alla s-sultan li jiġi f’isem Ġeħova!’

Xi nies qed jagħtu merħba lil Ġesù

Żmien twil ilu f’Iżrael, is-slaten ġodda kienu jidħlu f’Ġerusalemm rekbin fuq felu ta’ ħmara biex juru lilhom infushom lin-nies. Hekk qed jagħmel Ġesù. U dawn in-nies qed juru li jridu lil Ġesù bħala s-Sultan tagħhom. Imma mhux kulħadd iridu. Nistgħu naraw dan minn dak li jiġri meta Ġesù jmur fit-tempju.

Fit-tempju Ġesù jfejjaq lin-nies għomja u zopop. Meta t-tfal żgħar jaraw dan, ifaħħru lil Ġesù b’leħen għoli. Imma dan jirrabja lill-qassisin, u jgħidu lil Ġesù: ‘Qed tisma’ x’qed jgħidu t-tfal?’

‘Iva,’ iwieġeb Ġesù. ‘Qatt ma qrajtu fil-Bibbja fejn tgħid: “Minn fomm it-tfal żgħar Alla se jġib tifħir?”’ Għalhekk, it-tfal jibqgħu jfaħħru lis-Sultan t’Alla.

Aħna rridu nkunu bħal dawk it-tfal, hux? Xi nies forsi jipprovaw iwaqqfuna milli nitkellmu dwar is-Saltna t’Alla. Imma aħna se nibqgħu ngħidu lil oħrajn dwar l-affarijiet tal-għaġeb li Ġesù se jagħmel għan-nies.

Kien għadu mhux il-waqt biex Ġesù jibda jaħkem bħala s-Sultan meta kien fuq l-art. Meta se jasal dan iż-żmien? Id-dixxipli ta’ Ġesù jridu jkunu jafu. Se naqraw dwar dan fl-istorja li jmiss.

Mattew 21:1-17; Ġwanni 12:12-16.



Mistoqsijiet

  • Meta Ġesù jasal f’raħal żgħir ħdejn Ġerusalemm, x’jgħid lid-dixxipli tiegħu biex jagħmlu?
  • Fl-istampa x’jiġri meta Ġesù jasal qrib il-belt ta’ Ġerusalemm?
  • X’jagħmlu t-tfal żgħar meta jaraw lil Ġesù jfejjaq lin-nies għomja u zopop?
  • Ġesù x’jgħid lill-qassisin irrabjati?
  • Kif nistgħu nkunu bħat-tfal li jfaħħru lil Ġesù?
  • Xi jridu jkunu jafu d-dixxipli?

Iktar mistoqsijiet