Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 96: Ġesù Jfejjaq lill-Morda

Storja 96: Ġesù Jfejjaq lill-Morda

HEKK kif Ġesù jivvjaġġa tul il-pajjiż, hu jfejjaq lill-morda. L-aħbar ta’ dawn il-mirakli tinxtered mal-irħula u l-bliet tal-inħawi. Għalhekk, in-nies iġibulu dawk li huma zopop u għomja u torox u ħafna oħrajn li huma morda. U Ġesù jfejjaqhom kollha.

Issa għaddew iktar minn tliet snin minn mindu Ġwanni għammed lil Ġesù. U Ġesù jgħid lill-appostli tiegħu li dalwaqt se jitla’ Ġerusalemm, fejn se jiġi maqtul, u mbagħad jiġi mqajjem mill-mewt. Sadanittant, Ġesù jibqa’ jfejjaq lill-morda.

Ġesù qed ifejjaq lil mara marida

Ġurnata waħda Ġesù jkun qed jgħallem f’jum is-Sabat. Is-Sabat hija ġurnata ta’ mistrieħ għal-Lhud. Il-mara li tista’ tara fl-istampa kienet marida ħafna. Għal 18-il sena kienet mgħawġa u ma setgħetx toqgħod bilwieqfa dritta. Għalhekk, Ġesù jpoġġi jdejh fuqha u tibda tiddritta. Hija tfiq!

Dan jirrabja ħafna lill-mexxejja reliġjużi. ‘Hemm sitt ijiem li fihom għandna naħdmu,’ wieħed minnhom jgħid lill-folla b’leħen għoli. ‘Dawk huma l-ġranet li fihom għandkom tiġu għall-fejqan, mhux fis-Sabat!’

Imma Ġesù jwieġeb: ‘Ja rġiel ħżiena! Żgur li kwalunkwe wieħed minnkom ikun lest li jħoll lill-ħmar tiegħu u jieħdu biex jixrob fis-Sabat. Allura m’għandhiex din l-imsejkna, li ilha marida 18-il sena, tiġi mfejqa fis-Sabat?’ It-tweġiba ta’ Ġesù ġġiegħel lil dawn l-irġiel ħżiena jistħu.

Iktar tard, Ġesù u l-appostli tiegħu jkomplu jivvjaġġaw lejn Ġerusalemm. Meta jaslu barra l-belt ta’ Ġeriko, żewġ tallaba għomja jisimgħu li għaddej Ġesù. Għalhekk jgħajtu: ‘Ġesù, għinna!’

Ġesù jsejjaħ lill-irġiel għomja ħdejh u jistaqsihom: ‘Xi triduni nagħmlilkom?’ Huma jgħidu: ‘Mulej, iftħilna għajnejna.’ Ġesù jmissilhom għajnejhom u mill-ewwel ikunu jistgħu jaraw! Taf għala Ġesù jagħmel dawn il-mirakli meraviljużi kollha? Għax iħobb lin-nies u jrid li jkollhom il-fidi fih. U għalhekk nistgħu nkunu ċerti li meta jaħkem bħala s-Sultan ħadd fuq l-art mhu se jerġa’ jkun marid.

Mattew 15:30, 31; Luqa 13:10-17; Mattew 20:29-34.



Mistoqsijiet

  • Ġesù x’jagħmel hekk kif jivvjaġġa tul il-pajjiż?
  • Ġesù x’jgħid lill-appostli tiegħu xi tliet snin wara li tgħammed?
  • Min huma n-nies fl-istampa, u Ġesù x’jagħmel għall-mara?
  • It-tweġiba ta’ Ġesù għal dak li jgħidu l-mexxejja reliġjużi għala ġġegħelhom jistħu?
  • Ġesù x’jagħmel għal żewġ tallaba għomja meta hu u l-appostli tiegħu jaslu ħdejn Ġeriko?
  • Ġesù għala jagħmel il-mirakli?

Iktar mistoqsijiet