Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 95: Kif Jgħallem Ġesù

Storja 95: Kif Jgħallem Ġesù

ĠURNATA waħda Ġesù jgħid lil wieħed raġel li għandu jħobb lill-proxxmu tiegħu. Ir-raġel isaqsi lil Ġesù: ‘Min hu l-proxxmu tiegħi?’ Ġesù jaf x’inhu jaħseb dan ir-raġel. Ir-raġel jaħseb li n-nies li huma tal-istess razza u reliġjon bħalu biss huma l-proxxmu tiegħu. Allura ejja naraw x’jgħidlu Ġesù.

Kultant Ġesù jgħallem billi jgħid storja. U hekk jagħmel issa. Jgħid storja dwar raġel Lhudi u raġel Samaritan. Aħna diġà tgħallimna li ħafna mil-Lhud ma jħobbux lis-Samaritani. Mela, din hi l-istorja ta’ Ġesù:

Jum wieħed kien hemm Lhudi nieżel minn triq fil-muntanji lejn Ġeriko. Imma qabżu fuqu xi ħallelin. Ħadulu l-flus u sawtuh sakemm kien kważi mejjet.

Wara ftit, għadda mit-triq qassis Lhudi. Hu ra lir-raġel imsawwat. X’taħseb li għamel? Qasam għan-naħa l-oħra tat-triq u baqa’ għaddej. Imbagħad, għadda raġel ieħor reliġjuż ħafna. Kien Levita. Waqaf? Le, lanqas hu ma waqaf biex jgħin lir-raġel imsawwat. Tista’ tara lill-qassis u l-Levita fil-bogħod għaddejjin mit-triq.

Imma ara min hawn mar-raġel imsawwat! Hu Samaritan u qed jgħin lir-raġel Lhudi. Qed jidlek ftit mediċina fuq il-feriti tiegħu. Wara, jieħu lil-Lhudi f’post fejn jista’ jistrieħ u jfiq.

Is-Samaritan li hu proxxmu

Wara li jispiċċa l-istorja tiegħu, Ġesù jgħid lir-raġel li staqsieh il-mistoqsija: ‘Liema minn dawn it-tlieta taħseb li ġab ruħu ta’ proxxmu mar-raġel imsawwat? Il-qassis, il-Levita, jew is-Samaritan?’

Ir-raġel iwieġeb: ‘Ir-raġel Samaritan. Kien qalbu tajba mar-raġel imsawwat.’

Ġesù jgħid: ‘Għandek raġun. Mela mur, u ttratta lil oħrajn bħalu.’

Ma jogħġbokx il-mod kif jgħallem Ġesù? Nistgħu nitgħallmu ħafna u ħafna affarijiet importanti jekk nisimgħu dak li jgħid Ġesù fil-Bibbja, hux veru?

Luqa 10:25-37.



Mistoqsijiet

  • X’mistoqsija jistaqsi raġel lil Ġesù, u għala?
  • Ġesù x’juża xi kultant biex jgħallem, u x’diġà tgħallimna dwar il-Lhud u s-Samaritani?
  • Fl-istorja li jgħid Ġesù, x’jiġri lir-raġel Lhudi li jkun qed jivvjaġġa fit-triq lejn Ġeriko?
  • X’jiġri meta jgħaddu mit-triq qassis Lhudi u Levita?
  • Fl-istampa, min qed jgħin lil-Lhudi mweġġa’?
  • Wara li Ġesù jispiċċa l-istorja, x’mistoqsija jistaqsi, u r-raġel kif iwieġeb?

Iktar mistoqsijiet