Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 93: Ġesù Jitma’ Ħafna Nies

Storja 93: Ġesù Jitma’ Ħafna Nies

ĠRAT xi ħaġa terribbli! Ġwanni l-Għammied għadu kif ġie maqtul. Ġwanni ma kienx jogħġobha lil Erodja, il-mara tas-sultan. Hi rnexxielha ġġiegħel lis-sultan jaqta’ ras Ġwanni.

Ġesù jitnikket ħafna meta jisma’ dwar dan. Imur f’post għall-kwiet waħdu. Imma n-nies jiġu warajh. Meta Ġesù jara l-folol jitħassarhom. Għalhekk, jitkellem magħhom dwar is-Saltna t’Alla, u jfejjaq lill-morda tagħhom.

Dik il-lejla jiġu fuqu d-dixxipli tiegħu u jgħidulu: ‘Diġà tard, u hawn post imwarrab. Ibgħat in-nies biex ikunu jistgħu jixtru ikel x’jieklu fl-irħula fil-qrib.’

Ġesù qed jitma’ lil folla

‘M’għandhomx għalfejn imorru,’ iwieġeb Ġesù. ‘Agħtuhom xi ħaġa x’jieklu intom.’ Ġesù jdur fuq Filippu u jistaqsi: ‘Fejn nistgħu nixtru biżżejjed ikel biex nitimgħu lil dawn in-nies kollha?’

‘Se jiġi jiswa ħafna u ħafna flus biex nixtru biżżejjed ħalli kulħadd ikollu mqar ftit,’ iwieġeb Filippu. Indrì jgħid: ‘Dan it-tifel għandu ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. Imma dan żgur li ma jkunx biżżejjed biex titma’ lil dawn in-nies kollha.’

Ġesù jgħid: ‘Għidu lin-nies biex joqogħdu bilqiegħda fuq il-ħaxix.’ Imbagħad jirringrazzja lil Alla għall-ikel, u jibda jaqsmu f’biċċiet. Wara dan, id-dixxipli jibdew jagħtu l-ħobż u l-ħut lin-nies kollha. Hemm 5,000 raġel u ħafna iktar eluf ta’ nisa u tfal. Kollha jieklu sakemm jixbgħu. U meta d-dixxipli jiġbru dak li jkun fadal, jimlew 12-il qoffa!

Ġesù issa jgħid lid-dixxipli tiegħu biex jitilgħu f’dgħajsa ħalli jaqsmu l-Baħar tal-Galilija. Matul il-lejl tqum maltempata kbira, u l-mewġ jitfa’ d-dgħajsa ’l hawn u ’l hemm. Id-dixxipli jibżgħu ħafna. Imbagħad, f’nofs ta’ lejl, jaraw lil xi ħadd miexi lejhom fuq l-ilma. Huma jgħajtu bil-biża’ għax ma jafux x’qed jaraw.

‘Tibżgħux,’ jgħid Ġesù. ‘Huwa jien!’ Xorta għadhom ma jistgħux jemmnu. Allura Pietru jgħid: ‘Jekk veru int, Mulej, għidli biex nimxi fuq l-ilma sa ħdejk.’ Ġesù jwieġeb: ‘Ejja!’ U Pietru joħroġ u jimxi fuq l-ilma! Imbagħad jibża’ u jibda jegħreq, imma Ġesù jsalvah.

Iktar tard, Ġesù jerġa’ jitma’ eluf ta’ nies. Din id-darba jagħmel hekk b’seba’ ħobżiet u xi ftit ħut żgħir. U jerġa’ jkun hemm biżżejjed għal kulħadd. Mhuwiex xi ħaġa tal-għaġeb il-mod kif Ġesù jieħu ħsieb in-nies? Qatt mhu se jkollna għal xiex ninkwetaw fuq xi ħaġa meta Ġesù jaħkem bħala s-Sultan t’Alla!

Mattew 14:1-32; 15:29-38; Ġwanni 6:1-21.



Mistoqsijiet

  • Liema ħaġa terribbli tiġri lil Ġwanni l-Għammied, u Ġesù kif iħossu dwar dan?
  • Ġesù kif jitma’ lill-folol li ġew warajh, u kemm jifdal ikel?
  • Id-dixxipli għala jibżgħu matul il-lejl, u x’jiġri lil Pietru?
  • Ġesù kif jitma’ lil eluf ta’ nies għal darba oħra?
  • Għala se jkun tal-għaġeb meta Ġesù jaħkem l-art bħala s-Sultan t’Alla?

Iktar mistoqsijiet