Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 90: Mal-Mara Ħdejn il-Bir

Storja 90: Mal-Mara Ħdejn il-Bir

ĠESÙ waqaf jistrieħ ħdejn bir fis-Samarija. Id-dixxipli tiegħu marru fil-belt jixtru l-ikel. Il-mara li qed ikellem Ġesù ġiet biex tieħu ftit ilma. Hu jgħidilha: ‘Agħtini nixrob.’

Ġesù qed jitkellem ma’ mara Samaritana

Il-mara tibqa’ sorpriża ħafna b’dan. Taf għala? Minħabba li Ġesù hu Lhudi, u hi Samaritana. U ħafna mil-Lhud ma jħobbuhomx lis-Samaritani. Lanqas biss ikellmuhom! Imma Ġesù jħobb lin-nies ta’ kull xorta. Allura jgħidilha: ‘Kieku kont taf min qed jitolbok tagħtih jixrob, kont titolbu u kien jagħtik ilma li jagħti l-ħajja.’

‘Sinjur,’ tgħid il-mara, ‘il-bir fond, u int lanqas biss għandek barmil. Minn fejn se ġġib dan l-ilma li jagħti l-ħajja?’

‘Jekk tixrob l-ilma minn dan il-bir se jerġa’ jaqbdek l-għatx,’ jispjega Ġesù. ‘Imma l-ilma li nagħti jien jagħti l-ħajja ta’ dejjem lil dak li jkun.’

‘Sinjur,’ tgħidlu l-mara, ‘agħtini minn dan l-ilma! Imbagħad qatt ma jerġa’ jaqbadni l-għatx. U ma jkollix għalfejn nibqa’ niġi hawn biex nieħu l-ilma.’

Il-mara taħseb li Ġesù qed jitkellem dwar l-ilma letterali. Imma hu qed jitkellem fuq il-verità dwar Alla u s-Saltna tiegħu. Il-verità hi bħal ilma li jagħti l-ħajja. Tista’ tagħti l-ħajja ta’ dejjem lil dak li jkun.

Ġesù issa jgħid lill-mara: ‘Mur u sejjaħ lil żewġek u ejja lura.’

‘M’iniex miżżewġa,’ tgħidlu hi.

‘Sewwa għedt,’ jgħidilha Ġesù. ‘Imma kont miżżewġa ħames darbiet, u r-raġel li qed tgħix miegħu issa mhuwiex żewġek.’

Il-mara tibqa’ skantata, għaliex dan kollu hu minnu. Kif kien jaf dawn l-affarijiet kollha Ġesù? Iva, hu minħabba li Ġesù hu l-Wieħed Imwiegħed mibgħut minn Alla, u Alla jagħtih din l-informazzjoni. F’dan il-mument jiġu lura d-dixxipli ta’ Ġesù, u huma jibqgħu sorpriżi li qed ikellem mara Samaritana.

X’nitgħallmu minn dan kollu? Naraw li Ġesù juri qalb tajba man-nies ta’ kull razza. U aħna għandna nagħmlu bħalu. M’għandniex naħsbu li xi nies huma ħżiena sempliċement għax huma ta’ ċerta razza. Ġesù jrid li n-nies kollha jkunu jafu l-verità li twassal għall-ħajja ta’ dejjem. U aħna wkoll għandna nkunu rridu ngħinu lin-nies jitgħallmu l-verità.

Ġwanni 4:5-43; 17:3.



Mistoqsijiet

  • Ġesù għala waqaf ħdejn bir fis-Samarija, u x’qed jgħidilha lill-mara hawnhekk?
  • Il-mara għala hi sorpriża, u Ġesù x’jgħidilha, u għala?
  • Liema tip t’ilma l-mara taħseb li qed jitkellem dwaru Ġesù, imma hu għal liema ilma qed jirreferi fir-realtà?
  • Il-mara għala tibqa’ skantata dwar dak li jaf fuqha Ġesù, u kif ġab din l-informazzjoni?
  • Liema tagħlim nistgħu nitgħallmu mir-rakkont tal-mara ħdejn il-bir?

Iktar mistoqsijiet