Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 89: Ġesù Jnaddaf it-Tempju

Storja 89: Ġesù Jnaddaf it-Tempju

ĠESÙ jidher irrabjat ħafna hawn, hux veru? Taf għala hu daqshekk irrabjat? Hu minħabba li dawn l-irġiel fit-tempju t’Alla f’Ġerusalemm huma tassew rgħiba. Qed jipprovaw jaqilgħu ħafna flus minn fuq dahar in-nies li ġew hawn biex jagħtu qima lil Alla.

Ġesù qed jaqleb l-imwejjed bil-flus

Qed tara dawk il-barrin żgħar u n-nagħaġ u l-ħamiem kollha? Fil-fatt, l-irġiel qed ibigħu dawn l-annimali hawnhekk fit-tempju. Taf għala? Hu minħabba li l-Iżraelin għandhom bżonn l-annimali u l-għasafar ħalli joffruhom bħala sagrifiċċji lil Alla.

Il-liġi t’Alla kienet tgħid li meta Iżraeli jagħmel xi ħaġa ħażina, kellu jagħmel offerta lil Alla. U kien hemm drabi oħrajn ukoll meta l-Iżraelin kellhom jagħmlu l-offerti. Imma wieħed Iżraeli minn fejn seta’ jixtri l-għasafar u l-annimali biex joffrihom lil Alla?

Xi Iżraelin kienu jrabbu l-għasafar u l-annimali. Allura setgħu joffru mill-annimali tagħhom. Imma ħafna Iżraelin ma kellhom ebda annimal jew għasfur. U oħrajn tant kienu jgħixu ’l bogħod minn Ġerusalemm li ma setgħux iġibu wieħed mill-annimali tagħhom sat-tempju. Allura n-nies kienu jiġu hawn u jixtru l-annimali jew l-għasafar li kienu jeħtieġu. Imma dawn l-irġiel kienu qed jitolbu lin-nies prezz għoli ħafna. Kienu qed iqarrqu bin-nies. Ukoll, ma messhomx kienu qed ibigħu hawnhekk fit-tempju t’Alla.

Għalhekk jirrabja Ġesù. Allura hu jaqleb l-imwejjed tal-irġiel bil-flus u jxerred il-muniti tagħhom ma’ kullimkien. Ukoll, hu jagħmel frosta mill-ħbula u jkeċċi l-annimali kollha ’l barra mit-tempju. Hu jordna lill-irġiel li qed ibigħu l-ħamiem: ‘Oħorġuhom ’il barra minn hawn! Tibqgħux tagħmlu dar Missieri post fejn taqilgħu ħafna flus.’

Xi wħud mis-segwaċi ta’ Ġesù jinsabu hawn miegħu fit-tempju f’Ġerusalemm. Huma jibqgħu skantati b’dak li jaraw lil Ġesù jagħmel. Imbagħad jiftakru li l-Bibbja tgħid dwar l-Iben t’Alla: ‘L-imħabba għal dar Alla se tkun taqbad fih bħan-nar.’

Waqt li Ġesù jkun hawn f’Ġerusalemm jattendi l-Qbiż, hu jagħmel ħafna mirakli. Wara dan, Ġesù jitlaq mil-Lhudija u jibda l-vjaġġ tiegħu lura lejn il-Galilija. Imma fi triqtu, hu jgħaddi mid-distrett tas-Samarija. Ejja naraw x’jiġri hemmhekk.

Ġwanni 2:13-25; 4:3, 4.



Mistoqsijiet

  • Għala qed jinbiegħu l-annimali fit-tempju?
  • X’jirrabja lil Ġesù?
  • Bħalma tista’ tara fl-istampa, x’jagħmel Ġesù, u liema ordni jagħti lill-irġiel li qed ibigħu l-ħamiem?
  • Meta s-segwaċi ta’ Ġesù jaraw x’inhu jagħmel, fiex jiftakru?
  • Minn liema distrett jgħaddi Ġesù hu u sejjer lura lejn il-Galilija?

Mistoqsija oħra