Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 88: Ġwanni Jgħammed lil Ġesù

Storja 88: Ġwanni Jgħammed lil Ġesù

ĦARES lejn il-ħamiema nieżla fuq ras ir-raġel. Ir-raġel hu Ġesù. Għandu xi 30 sena issa. U r-raġel li hemm miegħu hu Ġwanni. Diġà sirna nafu xi ħaġa dwaru. Tiftakar meta Marija marret iżżur lill-qariba tagħha Eliżabetta, u t-tarbija ġo Eliżabetta qabżet bil-ferħ? Dik it-tarbija li kienet għadha ma twilditx kienet Ġwanni. Imma issa x’inhuma jagħmlu Ġwanni u Ġesù?

Il-magħmudija ta’ Ġesù

Ġwanni għadu kif għaddas lil Ġesù fl-ilmijiet tax-Xmara Ġordan. Dan hu kif titgħammed persuna. L-ewwel, tiġi mgħaddsa taħt l-ilma, u mbagħad terġa’ tinħareġ. Minħabba li Ġwanni jagħmel dan lin-nies, hu jissejjaħ Ġwanni l-Għammied. Imma Ġwanni għala għammed lil Ġesù?

Fil-fatt, Ġwanni għamel dan għax Ġesù ġie u talab lil Ġwanni biex jgħammdu. Ġwanni jgħammed lil nies li jridu juru li jiddispjaċihom għall-affarijiet ħżiena li jkunu għamlu. Imma Ġesù qatt għamel xi ħaġa ħażina li seta’ jiddispjaċih għaliha? Le, Ġesù qatt m’għamel ħaġa bħal din, għaliex hu l-Iben t’Alla stess mis-sema. Allura, hu talab lil Ġwanni biex jgħammdu għal raġuni differenti. Ejja naraw x’kienet din ir-raġuni.

Qabel ma Ġesù ġie hawn għand Ġwanni, hu kien mastrudaxxa. Mastrudaxxa hu wieħed li jagħmel l-affarijiet mill-injam bħal imwejjed, siġġijiet, u bankijiet. Ir-raġel ta’ Marija, Ġużeppi, kien mastrudaxxa u hu għallem din is-sengħa lil Ġesù wkoll. Imma Ġeħova ma bagħatx lil Ibnu fuq l-art biex ikun mastrudaxxa. Hu għandu xogħol speċjali għalih, u wasal iż-żmien biex Ġesù jibda jagħmlu. Għalhekk, biex juri li issa ġie biex jagħmel ir-rieda ta’ Missieru, Ġesù jitlob lil Ġwanni biex jgħammdu. Alla jieħu gost b’dan?

Iva, jieħu gost, għax malli Ġesù jitla’ mill-ilma, leħen mis-sema jgħid: ‘Dan hu Ibni, li jien nieħu gost bih.’ Ukoll, milli jidher is-smewwiet jinfetħu u din il-ħamiema tinżel fuq Ġesù. Imma din mhijiex ħamiema ta’ veru. Sempliċement tidher qisha ħamiema. Fir-realtà, hi l-ispirtu qaddis t’Alla.

Issa Ġesù għandu ħafna fuq xiex jaħseb, allura jitlaq għal 40 jum f’post għall-kwiet. Hemmhekk imur ħdejh Satana. Satana jipprova tliet darbiet iġiegħel lil Ġesù jagħmel xi ħaġa kontra l-liġijiet t’Alla. Imma Ġesù ma riedx jagħmel dan.

Wara dan, Ġesù jmur lura u jiltaqa’ ma’ xi rġiel li jsiru l-ewwel segwaċi, jew dixxipli, tiegħu. Xi wħud jisimhom Indrì, Pietru (imsejjaħ ukoll Xmun), Filippu u Natanjel (imsejjaħ ukoll Bartilmew). Ġesù u dawn id-dixxipli ġodda jerħulha lejn id-distrett tal-Galilija. Fil-Galilija jieqfu Kana, il-pajjiż fejn kien joqgħod Natanjel. Hemmhekk Ġesù jattendi festa kbira ta’ tieġ u jagħmel l-ewwel miraklu tiegħu. Taf x’inhu? Hu jbiddel l-ilma fi nbid.

Mattew 3:13-17; 4:1-11; 13:55; Marku 6:3; Ġwanni 1:29-51; 2:1-12.



Mistoqsijiet

  • Min huma ż-żewġt irġiel fl-istampa?
  • Persuna kif tiġi mgħammda?
  • Ġwanni lil min jgħammed is-soltu?
  • Għal liema raġuni speċjali Ġesù jitlob lil Ġwanni biex jgħammdu?
  • Alla kif juri li jieħu gost bil-magħmudija ta’ Ġesù?
  • X’jiġri meta Ġesù jitlaq lejn post għall-kwiet għal 40 jum?
  • Min huma xi wħud mill-ewwel segwaċi, jew dixxipli, ta’ Ġesù, u x’inhu l-ewwel miraklu tiegħu?

Iktar mistoqsijiet