Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 87: Iż-Żagħżugħ Ġesù fit-Tempju

Storja 87: Iż-Żagħżugħ Ġesù fit-Tempju

ĦARES lejn iż-żagħżugħ jitkellem ma’ dawn l-irġiel akbar. Huma għalliema fit-tempju t’Alla f’Ġerusalemm. U t-tifel hu Ġesù. Kiber mhux ħażin. Issa għandu 12-il sena.

L-għalliema huma skantati ferm li Ġesù jaf ħafna dwar Alla u dwar l-affarijiet miktubin fil-Bibbja. Imma fejn huma Ġużeppi u Marija? Għala mhumiex ma’ Ġesù? Ejja naraw.

Iż-żagħżugħ Ġesù qed jitkellem mal-għalliema

Kull sena Ġużeppi jġib il-familja tiegħu Ġerusalemm għaċ-ċelebrazzjoni speċjali li tissejjaħ il-Qbiż. Minn Nazaret għal Ġerusalemm hemm vjaġġ twil. Ħadd m’għandu karozza, u m’hemmx karozzi tal-linja. Ma kinux jeżistu f’dak iż-żmien. Ħafna min-nies jimxu, u jdumu xi tlett ijiem biex jaslu Ġerusalemm.

S’issa Ġużeppi għandu familja kbira. Għalhekk hemm xi aħwa iżgħar ta’ Ġesù x’jieħdu ħsieb. Mela, din is-sena Ġużeppi u Marija telqu ma’ wliedhom fit-triq twila lura Nazaret. Huma jaħsbu li Ġesù qiegħed m’oħrajn li qed jivvjaġġaw magħhom. Imma meta jieqfu fl-aħħar tal-ġurnata ma jistgħux isibu lil Ġesù. Ifittxuh fost il-qraba u l-ħbieb tagħhom, imma mhuwiex magħhom! Allura jmorru lura Ġerusalemm biex ifittxuh hemmhekk.

Fl-aħħar isibu lil Ġesù hawnhekk mal-għalliema. Qed jismagħhom u jistaqsihom mistoqsijiet. U n-nies kollha jiskantaw b’kemm hu għaref Ġesù. Imma Marija tgħid: ‘Ibni, għaliex għamiltilna hekk? Jien u missierek inkwetajna ħafna aħna u nipprovaw insibuk.’

Ġesù jwieġeb: ‘Għala kellkom għalfejn tfittxuni? Ma kontux tafu li kelli nkun f’dar Missieri?’

Iva, Ġesù jħobb ikun fejn jista’ jitgħallem dwar Alla. Mhux hekk għandna nħossuna aħna wkoll? Lura d-dar f’Nazaret, Ġesù kien imur il-laqgħat għall-qima kull ġimgħa. Minħabba li dejjem qagħad attent, hu tgħallem ħafna affarijiet mill-Bibbja. Ejja nkunu bħal Ġesù u nsegwu l-eżempju tiegħu.

Luqa 2:41-52; Mattew 13:53-56.



Mistoqsijiet

  • Kemm għandu żmien Ġesù fl-istampa, u fejn qiegħed?
  • Ġużeppi x’jagħmel mal-familja tiegħu kull sena?
  • Wara li kienu ilhom ġurnata jivvjaġġaw lura d-dar, Ġużeppi u Marija għala jmorru lura Ġerusalemm?
  • Ġużeppi u Marija fejn isibu lil Ġesù u n-nies hemmhekk għala jibqgħu skantati?
  • Ġesù x’jgħid lil ommu, Marija?
  • Kif nistgħu nkunu bħal Ġesù f’li nitgħallmu dwar Alla?

Iktar mistoqsijiet