Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 85: Ġesù Jitwieled fi Stalla

Storja 85: Ġesù Jitwieled fi Stalla

TAF min hu dan it-tifel ċkejken? Iva, hu Ġesù. Għadu kif twieled ġo stalla. Stalla hija post fejn jinżammu l-annimali. Marija qed tpoġġi lil Ġesù fil-maxtura li hija l-post fejn ikun hemm l-ikel għall-ħmir u annimali oħrajn biex jieklu minnha. Imma Marija u Ġużeppi għala jinsabu hawn mal-annimali? Dan ma tantx hu post fejn titwieled tarbija, hux veru?

Le, mhuwiex. Imma huma jinsabu hawn għal din ir-raġuni: Il-ħakkiem ta’ Ruma, Ċesari Awgustu, għadda liġi biex kulħadd imur lura fil-belt fejn twieled ħalli ismu jinkiteb fi ktieb. Ġużeppi twieled hawn f’Betlehem. Imma meta jaslu hu u Marija, imkien ma kien hemm kamra għalihom. Allura kellhom jiġu hawn mal-annimali. U f’din il-ġurnata stess Marija wildet lil Ġesù! Imma bħalma tista’ tara, hu jinsab tajjeb.

Ġużeppi, Marija, u t-tarbija Ġesù

Qed tarahom lir-rgħajja ġejjin biex jaraw lil Ġesù? Huma kienu fl-għelieqi bil-lejl jieħdu ħsieb in-nagħaġ tagħhom, u dawl qawwi beda jiddi madwarhom. Kien anġlu! Ir-rgħajja beżgħu ħafna. Imma l-anġlu qalilhom: ‘Tibżgħux! Għandi aħbar tajba għalikom. Illum, f’Betlehem, twieled Kristu l-Mulej. Hu se jeħles lin-nies! Se ssibuh imgeżwer fid-drapp u mimdud f’maxtura.’ F’daqqa waħda ġew ħafna anġli u bdew ifaħħru lil Alla. Għalhekk, mill-ewwel dawn ir-rgħajja marru jħaffu biex isibu lil Ġesù, u issa sabuh.

Taf għala Ġesù hu daqshekk speċjali? Taf min hu verament? Ftakar li fl-ewwel storja f’dan il-ktieb qrajna dwar l-ewwel Iben t’Alla. Dan l-Iben ħadem ma’ Ġeħova f’li jagħmlu s-smewwiet u l-art u kull ħaġa oħra. Mela, dan hu Ġesù!

Iva, Ġeħova ħa l-ħajja t’Ibnu mis-sema u poġġieha f’Marija. Minnufih tarbija bdiet tikber ġo fiha sewwasew bħalma jikbru trabi oħrajn ġewwa ommhom. Imma din it-tarbija kienet Bin Alla. Fl-aħħar Ġesù twieled hawnhekk fi stalla f’Betlehem. Tista’ tifhem issa għala l-anġli kienu daqshekk ferħanin li setgħu jgħidu lin-nies li Ġesù kien twieled?

Luqa 2:1-20.



Mistoqsijiet

  • Min hu t-tifel ċkejken fl-istampa, u Marija fejn qed tpoġġih?
  • Ġesù għala twieled fi stalla tal-annimali?
  • Fl-istampa, min huma l-irġiel deħlin fl-istalla, u anġlu x’qalilhom?
  • Ġesù għala hu speċjali?
  • Ġesù għala jista’ jissejjaħ l-Iben t’Alla?

Iktar mistoqsijiet