ARA din il-ħaġa terribbli li qed tiġri! Ġesù qed jiġi maqtul. Dendluh ma’ zokk. Daħħlulu msiemer f’idejh u f’saqajh. Għala seta’ xi ħadd jagħmel xi ħaġa bħal din lil Ġesù?

Ġesù qed imut

Dan għax xi nies jobogħdu lil Ġesù. Taf min huma? Wieħed minnhom hu l-anġlu mill-agħar, Satana x-Xitan. Hu dak il-wieħed li rnexxielu jwassal lil Adam u Eva biex ma jobdux lil Ġeħova. U Satana hu dak li wassal lill-għedewwa ta’ Ġesù biex jagħmlu din il-ħaġa terribbli.

Anki qabel ma Ġesù ġie msammar hawn maz-zokk, l-għedewwa tiegħu għamlulu affarijiet kattivi. Tiftakar kif ġew fil-ġnien tal-Ġetsemani u ħaduh minn hemm? Min kienu dawk l-għedewwa? Iva, kienu l-mexxejja reliġjużi. Mela, ejja naraw x’ġara wara.

Meta Ġesù ttieħed mill-mexxejja reliġjużi, l-appostli tiegħu ħarbu. Ħallew lil Ġesù waħdu mal-għedewwa tiegħu għax beżgħu. Imma l-appostli Pietru u Ġwanni ma marrux ’il bogħod ħafna. Imxew warajhom biex jaraw x’se jiġri minn Ġesù.

Il-qassisin ħadu lil Ġesù għand ir-raġel xiħ, Ananija, li qabel kien il-qassis il-kbir. Il-folla ma tantx damet hemm. Huma mbagħad ħadu lil Ġesù fid-dar ta’ Kajfa li issa hu l-qassis il-kbir. Ħafna mexxejja reliġjużi nġabru f’daru.

Hawnhekk fid-dar ta’ Kajfa għamlu ġuri. Inġiebu xi nies biex jigdbu dwar Ġesù. Il-mexxejja reliġjużi kollha qalu: ‘Ġesù għandu jiġi maqtul.’ Imbagħad beżqulu f’wiċċu u tawh daqqiet ta’ ponn.

Waqt li kien qed jiġri dan kollu, Pietru kien barra fil-bitħa. Kien lejl kiesaħ, u għalhekk in-nies qabbdu n-nar. Waqt li kienu qed jisħnu madwar in-nar, qaddejja ħarset lejn Pietru u qalet: ‘Dan ir-raġel ukoll kien ma’ Ġesù.’

Pietru wieġeb: ‘Le, ma kontx!’

Tliet darbiet in-nies qalu lil Pietru li hu kien ma’ Ġesù. Imma kull darba Pietru qal li mhux veru. It-tielet darba li Pietru qal hekk, Ġesù dar u ħares lejh. Pietru verament iddispjaċieh talli qal dan il-gideb, u telaq minn hemm u beka.

Hekk kif ix-xemx bdiet tielgħa l-Ġimgħa filgħodu, il-qassisin ħadu lil Ġesù sal-post il-kbir fejn jiltaqgħu, is-sala tas-Sinedriju. Hemmhekk iddiskutew x’kienu se jagħmlu bih. Imbagħad ħaduh għand Ponzju Pilatu, il-ħakkiem tad-distrett tal-Lhudija.

Il-qassisin qalu lil Pilatu: ‘Dan hu raġel ħażin. Għandu jiġi maqtul.’ Wara li staqsa lil Ġesù xi mistoqsijiet, Pilatu qal: ‘Ma nista’ nara li għamel xejn ħażin.’ Imbagħad, Pilatu bagħat lil Ġesù għand Erodi Antipa. Erodi hu l-ħakkiem tal-Galilija, imma qed joqgħod f’Ġerusalemm. Lanqas Erodi ma seta’ jara li Ġesù għamel xi ħaġa ħażina, għalhekk bagħtu lura għand Pilatu.

Pilatu ried jeħles lil Ġesù. Imma minflok, l-għedewwa ta’ Ġesù riedu li jinħeles priġunier ieħor. Ir-raġel hu l-ħalliel Barabba. Kien madwar nofsinhar meta Pilatu ħareġ lil Ġesù barra. Hu qal lin-nies: ‘Ara! Is-sultan tagħkom!’ Imma l-qassisin ewlenin għajtu: ‘Ħuduh ’l hemm! Oqtluh! Oqtluh!’ Allura Pilatu ħeles lil Barabba, u huma ħadu lil Ġesù biex jiġi maqtul.

Kmieni l-Ġimgħa waranofsinhar, Ġesù ġie msammar ma’ zokk. Ma tistax tarahom fl-istampa imma fuq kull naħa ta’ Ġesù hemm raġel kriminali li wkoll qed jiġu maqtulin fuq zokk. Ftit qabel ma jmut Ġesù, wieħed mill-irġiel kriminali jgħidlu: ‘Ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek.’ U Ġesù jwieġeb: ‘Jien inwiegħdek li int se tkun fil-Ġenna miegħi.’

Mhijiex din wegħda mill-isbaħ? Taf liema ġenna qed jitkellem dwarha Ġesù? Fejn kienet il-ġenna li għamel Alla fil-bidu? Iva, fuq l-art. U meta Ġesù jaħkem bħala s-Sultan fis-sema, hu se jerġa’ jagħti lil dan ir-raġel il-ħajja sabiex igawdi l-Ġenna tal-art ġdida. Kemm għandna għal xiex nifirħu dwar dan, hux vera?

Mattew 26:57-75; 27:1-50; Luqa 22:54-71; 23:1-49; Ġwanni 18:12-40; 19:1-30.



Mistoqsijiet

  • Min hu responsabbli primarjament għall-mewt ta’ Ġesù?
  • L-appostli x’jagħmlu meta Ġesù jittieħed mill-mexxejja reliġjużi?
  • X’jiġri fid-dar ta’ Kajfa, il-qassis il-kbir?
  • Pietru għala joħroġ u jibki?
  • Wara li Ġesù reġa’ ntbagħat għand Pilatu, il-qassisin ewlenin x’jgħajtu?
  • X’jiġri lil Ġesù kmieni l-Ġimgħa waranofsinhar, u xi jwiegħed lil raġel kriminali li jkun imdendel fuq zokk maġenbu?
  • Fejn se tkun il-Ġenna li tkellem dwarha Ġesù?

Iktar mistoqsijiet