Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 113: Pawlu f’Ruma

Storja 113: Pawlu f’Ruma

ĦARES lejn il-ktajjen li għandu Pawlu, u ara s-suldat Ruman li qiegħed għassa miegħu. Pawlu hu priġunier f’Ruma. Qed jistenna sakemm Ċesari ta’ Ruma jiddeċiedi x’se jagħmel bih. Waqt li jkun priġunier, in-nies jistgħu jiġu jżuruh.

Tlett ijiem wara li Pawlu jasal Ruma jibgħat għal xi mexxejja Lhud biex jiġu jarawh. Minħabba dan, jiġu ħafna Lhud minn Ruma. Pawlu jippritkalhom dwar Ġesù u s-Saltna t’Alla. Xi wħud jemmnu u jsiru Kristjani, imma oħrajn ma jemmnux.

Pawlu fil-ħabs

Pawlu wkoll jipprietka lis-suldati differenti li joqogħdu għassa miegħu. Għas-sentejn li jinżamm hawn bħala priġunier Pawlu jipprietka lil kemm jista’ jkun nies. B’hekk, anki dawk ta’ dar Ċesari jisimgħu dwar l-aħbar tajba tas-Saltna, u xi wħud minnhom isiru Kristjani.

Imma min hu l-viżitatur li qed jikteb mal-mejda? Tista’ taqta’? Iva, huwa Timotju. Timotju wkoll kien il-ħabs talli pprietka dwar is-Saltna imma issa reġa’ nħeles. U ġie hawn biex jgħin lil Pawlu. Taf x’qed jikteb? Ejja naraw.

Tiftakarhom il-bliet ta’ Filippi u Efesu fi Storja 110? Pawlu għen biex jinbdew kongregazzjonijiet Kristjani f’dawn il-bliet. Issa, waqt li hu arrestat, Pawlu jikteb xi ittri lil dawn il-Kristjani. L-ittri huma fil-Bibbja, u jissejħu Efesin u Filippin. Pawlu issa qed jgħid lil Timotju x’għandu jikteb lill-ħbieb Kristjani tagħhom f’Filippi.

Il-Filippin kienu qalbhom tajba ħafna ma’ Pawlu. Huma bagħtulu rigal waqt li kien hawn arrestat, u għalhekk Pawlu qed jirringrazzjahom tiegħu. Epafroditu hu l-wieħed li ġab ir-rigal. Imma marad ħafna u kważi miet. Issa għaddielu u lest biex jerġa’ jmur id-dar. Hu se jieħu miegħu l-ittra mingħand Pawlu u Timotju meta jmur lura Filippi.

Pawlu jikteb żewġ ittri oħrajn li għandna fil-Bibbja waqt li jkun arrestat. Waħda hi lill-Kristjani fil-belt ta’ Kolossi. Taf x’tissejjaħ? Kolossin. L-oħra hi ittra persunali lil ħabib tal-qalb li jismu Filemon u li wkoll jgħix f’Kolossi. L-ittra hi dwar il-qaddej ta’ Filemon, Oneżimu.

Oneżimu ħarab mingħand Filemon u ġie Ruma. B’xi mod jew ieħor, Oneżimu sema’ li Pawlu kien priġunier hawn. Hu ġie jarah, u Pawlu pprietka lil Oneżimu. Oneżimu ma damx ma sar Kristjan ukoll. Issa, Oneżimu jiddispjaċih li ħarab. Allura taf x’jikteb Pawlu fl-ittra lil Filemon?

Pawlu jitlob lil Filemon biex jaħfer lil Oneżimu. Pawlu jikteb: ‘Qed nibgħathulek lura. Imma issa mhuwiex biss il-qaddej tiegħek. Hu wkoll ħu Kristjan mill-aħjar.’ Meta Oneżimu jmur lura Kolossi, hu jieħu miegħu dawn iż-żewġ ittri, waħda għall-Kolossin u l-oħra għal Filemon. Nistgħu nimmaġinaw kemm feraħ Filemon meta sar jaf li l-qaddej tiegħu kien sar Kristjan.

Meta Pawlu jikteb lill-Filippin u lil Filemon ikollu aħbar verament tajba. Pawlu jgħid lill-Filippin: ‘Ħa nibgħat lil Timotju għandkom. Imma jien ukoll dalwaqt se nżurkom.’ U lil Filemon jikteb: ‘Lestili post fejn noqgħod.’

Meta Pawlu jinħeles, iżur lill-aħwa Kristjani tiegħu f’ħafna postijiet. Imma iktar tard Pawlu jerġa’ jsir priġunier f’Ruma. Din id-darba jaf li se jiġi maqtul. Għalhekk, jikteb lil Timotju u jistaqsih jiġi malajr. ‘Jien kont leali lejn Alla,’ jikteb Pawlu, ‘u Alla se jippremjani.’ Ftit snin wara li Pawlu jiġi maqtul, Ġerusalemm terġa’ tiġi meqruda, din id-darba mir-Rumani.

Imma l-Bibbja tgħidilna xi ħaġa oħra. Alla Ġeħova jqabbad lill-appostlu Ġwanni jikteb l-aħħar kotba tal-Bibbja, fosthom il-ktieb tar-Rivelazzjoni. Dan il-ktieb Bibliku jitkellem dwar il-futur. Ejja nitgħallmu x’hemm jistenniena fil-futur.

Atti 28:16-31; Filippin 1:13; 2:19-30; 4:18-23; Ebrej 13:23; Filemon 1-25; Kolossin 4:7-9; 2 Timotju 4:7-9.



Mistoqsijiet

  • Pawlu lil min jipprietka waqt li hu priġunier f’Ruma?
  • Fl-istampa, min hu l-viżitatur mal-mejda, u x’qed jagħmel għal Pawlu?
  • Min hu Epafroditu, u x’jieħu miegħu meta jmur lura Filippi?
  • Pawlu għala jikteb ittra lill-ħabib tal-qalb tiegħu Filemon?
  • X’jagħmel Pawlu meta jinħeles, u wara x’jiġrilu?
  • Ġeħova lil min juża biex jikteb l-aħħar kotba tal-Bibbja, u l-ktieb tar-Rivelazzjoni dwar xiex jitkellem?

Iktar mistoqsijiet