Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 108: Fit-Triq Lejn Damasku

Storja 108: Fit-Triq Lejn Damasku

TAF min hu dak ir-raġel mixħut fl-art? Huwa Sawl. Ftakar, hu dak il-wieħed li ħa ħsieb il-ħwejjeġ tal-irġiel li ħaġġru lil Stiefnu. Ara dak id-dawl jiddi! X’qed jiġri?

Wara li Stiefnu jiġi maqtul, Sawl jieħu t-tmexxija f’li jfittex lis-segwaċi ta’ Ġesù biex iweġġagħhom. Hu jidħol f’dar wara l-oħra u jkaxkarhom ’il barra u jixħithom il-ħabs. Ħafna mid-dixxipli jaħarbu għal bliet oħrajn u jibdew jiddikjaraw “l-aħbar tajba” hemmhekk. Imma Sawl imur il-bliet l-oħrajn biex isib lis-segwaċi ta’ Ġesù. Hu issa qiegħed fi triqtu lejn Damasku. Imma fit-triq tiġri din il-ħaġa tal-għaġeb:

F’daqqa waħda dawl mis-sema jiddi madwar Sawl. Hu jaqa’ mal-art, kif nistgħu naraw hawn. Imbagħad leħen jgħid: ‘Sawl, Sawl! Għala qed tweġġagħni?’ L-irġiel li huma ma’ Sawl jaraw id-dawl u jisimgħu ħoss ta’ leħen imma ma jistgħux jifhmu x’qed jingħad.

Sawl mogħmi minn dawl

‘Min int Mulej?’ jistaqsi Sawl.

‘Jien Ġesù, il-wieħed li qed tweġġa’,’ jgħid il-leħen. Ġesù jgħid dan għax meta Sawl iweġġa’ lis-segwaċi ta’ Ġesù, Ġesù jħossu qisu ġie mweġġa’ hu stess.

Sawl issa jistaqsi: ‘X’għandi nagħmel Mulej?’

‘Qum, u mur Damasku,’ jgħid Ġesù. ‘Hemmhekk jgħidulek x’għandek tagħmel.’ Meta Sawl iqum u jiftaħ għajnejh ma jista’ jara xejn. Hu agħma! Għalhekk, l-irġiel iżommuh minn idu u jmexxuh sa Damasku.

Ġesù issa jkellem lil wieħed mid-dixxipli tiegħu f’Damasku u jgħid: ‘Qum Ananija. Mur fit-triq li jgħidulha d-Dritta. Fid-dar ta’ Ġuda staqsi għal raġel jismu Sawl. Jien għażiltu biex ikun qaddej speċjali tiegħi.’

Ananija jobdi. Meta jiltaqa’ ma’ Sawl, hu jpoġġi jdejh fuqu u jgħid: ‘Il-Mulej bagħatni biex tkun tista’ terġa’ tara u biex timtela bl-ispirtu qaddis.’ Mill-ewwel jaqa’ qisu qxur minn għajnejn Sawl u jkun jista’ jerġa’ jara.

Sawl jintuża bil-kbir biex jipprietka lin-nies ta’ ħafna ġnus. Hu jsir magħruf bħala l-appostlu Pawlu u ħa nitgħallmu ħafna iktar dwaru. Imma l-ewwel ejja naraw Alla x’jibgħat lil Pietru biex jagħmel.

Atti 8:1-4; 9:1-20; 22:6-16; 26:8-20.



Mistoqsijiet

  • Sawl x’jagħmel wara li jiġi maqtul Stiefnu?
  • Meta Sawl ikun fi triqtu lejn Damasku, liema ħaġa tal-għaġeb tiġri?
  • Ġesù x’jgħid lil Sawl biex jagħmel?
  • Ġesù x’jgħid lil Ananija biex jagħmel, u Sawl kif jerġa’ jibda jara?
  • B’liema isem isir magħruf Sawl, u mbagħad hu kif jiġi użat?

Iktar mistoqsijiet