WARA li Pietru u Ġwanni jitilqu minn ħdejn il-qabar fejn kien il-ġisem ta’ Ġesù, Marija titħalla hemmhekk waħedha. Tibda tibki. Imbagħad titbaxxa u tittawwal ġol-qabar, bħalma rajna fl-istampa ta’ qabel. Hemmhekk tara żewġ anġli! Jistaqsuha: ‘Għala qed tibki?’

Marija twiġibhom: ‘Ħaduli lill-Mulej tiegħi, u ma nafx fejn qegħduh.’ Imbagħad Marija ddur u tara raġel. Hu jistaqsiha: ‘Lil min qed tfittex?’

Marija taħseb li r-raġel hu dak li jieħu ħsieb il-ġnien, u li forsi ħa l-ġisem ta’ Ġesù. Allura tgħid: ‘Jekk ħadtu xi mkien, għidli fejn qegħedtu.’ Imma, fir-realtà, dan ir-raġel hu Ġesù. Hu qed juża ġisem li Marija ma tagħrafx. Imma meta jsejħilha b’isimha, Marija taf li dan hu Ġesù. Hi tiġri u tgħid lid-dixxipli: ‘Rajt lill-Mulej!’

Iktar tard fil-ġurnata, waqt li żewġ dixxipli jkunu mexjin lejn ir-raħal t’Għemmaws, jingħaqad magħhom wieħed raġel. Id-dixxipli huma mnikktin għall-aħħar għax Ġesù ġie maqtul. Imma hekk kif jimxu, ir-raġel jispjega ħafna affarijiet mill-Bibbja li jġegħluhom iħossuhom aħjar. Fl-aħħar, meta jieqfu biex jieklu, id-dixxipli jagħrfu li dan ir-raġel hu Ġesù. Imbagħad Ġesù jisparixxi u dawn iż-żewġ dixxipli malajr malajr imorru t-triq kollha lura Ġerusalemm biex jgħidu lill-appostli dwaru.

Waqt li dan qed iseħħ, Ġesù jidher ukoll lil Pietru. L-oħrajn iħossuhom eċċitati meta jisimgħu dan. Imbagħad dawn iż-żewġ dixxipli jmorru Ġerusalemm u jsibu lill-appostli. Jgħidulhom kif Ġesù deher lilhom ukoll fit-triq. U hekk kif qed jgħidulhom dwar dan, tiġri xi ħaġa tal-għaġeb! Taf x’inhi?

Ħares lejn l-istampa. Ġesù jidher eżatt hemm fil-kamra, avolja l-bieb imsakkar. Id-dixxipli huma ferħanin se jtiru! X’ġurnata eċċitanti din, hux veru? Tista’ tgħodd kemm-il darba Ġesù deher s’issa lis-segwaċi tiegħu? Għoddejt ħames darbiet?

Ġesù qed jidher lid-dixxipli

L-appostlu Tumas mhuwiex magħhom meta jidher Ġesù. Għalhekk, id-dixxipli jgħidulu: ‘Rajna lill-Mulej!’ Imma Tumas jgħid li jkollu jara lil Ġesù b’għajnejh stess qabel ma jemminhom. Tmint ijiem wara d-dixxipli huma miġburin flimkien għal darb’oħra f’kamra msakkra, u din id-darba Tumas ikun magħhom. F’daqqa waħda, Ġesù jidher f’nofshom fil-kamra. Issa Tumas jemmen.

Ġwanni 20:11-29; Luqa 24:13-43.



Mistoqsijiet

  • Marija x’tgħid lil wieħed raġel li taħsbu dak li jieħu ħsieb il-ġnien, imma xi jġegħelha tinduna li hu fil-fatt Ġesù?
  • X’jiġri lil żewġ dixxipli li huma mexjin lejn ir-raħal t’Għemmaws?
  • Liema ħaġa tal-għaġeb tiġri meta żewġ dixxipli jgħidu lill-appostli li raw lil Ġesù?
  • Ġesù kemm-il darba deher lis-segwaċi tiegħu?
  • Tumas x’jgħid meta jsir jaf li d-dixxipli raw il-Mulej, imma x’jiġri tmint ijiem wara?

Iktar mistoqsijiet