Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 112: Nawfraġju fuq Gżira

Storja 112: Nawfraġju fuq Gżira

ARA! Il-bastiment qiegħed fl-inkwiet! Qed jitfarrak biċċiet! Qed tarahom in-nies li qabżu ġol-ilma? Xi wħud minnhom ġa waslu x-xatt. Dak Pawlu hemm? Ejja naraw minn xiex għadda.

Dawk li salvaw min-nawfraġju

Ftakar, għal sentejn Pawlu nżamm priġunier f’Ċesarija. Imbagħad, hu u xi priġunieri oħrajn jitpoġġew fuq bastiment u jerħulha għal Ruma. Meta jgħaddi minn ħdejn il-gżira ta’ Kreta tqum maltempata terribbli. Ir-riħ tant jonfoħ li l-irġiel ma jistgħux jidderieġu l-bastiment. U ma jistgħux jaraw ix-xemx matul il-ġurnata jew l-istilel matul il-lejl. Fl-aħħar, wara ħafna ġranet, dawk fuq il-bastiment jaqtgħu qalbhom għalkollox li se jiġu salvati.

Imbagħad iqum Pawlu u jgħid: ‘Ħadd minnkom mhu se jitlef ħajtu; il-bastiment biss se jintilef. Għax il-bieraħ filgħaxija anġlu t’Alla ġie u qalli, “Tibżax Pawlu! Int trid tidher quddiem il-ħakkiem Ruman Ċesari. U Alla se jsalva lil dawk kollha li qed jivvjaġġaw miegħek.”’

F’xi nofsillejl fl-14-il jum wara li bdiet il-maltempata, il-baħrin indunaw li l-ilma kien qed isir inqas fond! Huma beżgħu li minħabba d-dlam jibqgħu deħlin fil-blat, għalhekk niżżlu l-ankri. L-għada filgħodu raw bajja. Huma ddeċidew li jipprovaw jidderieġu l-bastiment dritt sax-xatt

Meta jaslu iktar viċin tax-xatt, il-bastiment jolqot sikka tar-ramel u jeħel hemm. Imbagħad il-mewġ jibda jfarrku biċċiet. L-uffiċjal tal-armata li qed jieħu ħsieb jgħid: ‘Dawk kollha li jafu jgħumu jistgħu jaqbżu l-baħar l-ewwel u jgħumu sax-xatt. Il-bqija aqbżu warajhom u aqbdu biċċa injama li tfarrket mill-bastiment u żommu magħha.’ U hekk jagħmlu. B’dan il-mod, il-276 persuna kollha li kienu fuq il-bastiment jaslu sax-xatt qawwijin u sħaħ, eżatt kif wiegħed l-anġlu.

Il-gżira jisimha Malta. In-nies huma qalbhom tajba ħafna, u jieħdu ħsieb lil dawk tal-bastiment. Meta t-temp jitjieb, Pawlu jittieħed fuq bastiment ieħor lejn Ruma.

Atti 27:1-44; 28:1-14.



Mistoqsijiet

  • X’jiġrilu l-bastiment li jkun fuqu Pawlu meta jgħaddi minn ħdejn il-gżira ta’ Kreta?
  • Pawlu x’jgħid lil dawk fuq il-bastiment?
  • Il-bastiment kif jitfarrak biċċiet?
  • L-uffiċjal tal-armata li qed jieħu ħsieb liema istruzzjonijiet jagħti, u kemm-il persuna tasal sax-xatt qawwija u sħiħa?
  • X’jisimha l-gżira fejn jaslu, u x’jiġri minn Pawlu meta t-temp jitjieb?

Iktar mistoqsijiet