Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 111: Tifel li Marret Għajnu bih

Storja 111: Tifel li Marret Għajnu bih

X’WAĦDA din! X’qed jiġri hawn? Weġġa’ ħafna t-tifel li hemm mixħut fl-art? Ara! Wieħed mill-irġiel li ħiereġ mid-dar hu Pawlu! Qed tarah hemm lil Timotju wkoll? It-tifel waqa’ mit-tieqa?

Pawlu ġej biex jirxoxta lil Ewtiku

Iva, eżatt hekk ġara. Pawlu kien qed jagħti taħdita lid-dixxipli hawn fi Troas. Kien jaf li ma kienx se jerġa’ jarahom għal ħafna żmien għax l-għada kellu jitlaq bil-bastiment. Għalhekk baqa’ jitkellem sa nofsillejl.

Mela, dan it-tifel li jismu Ewtiku kien bilqiegħda f’ħoġor it-tieqa, u marret għajnu bih. Hu waqa’ u baqa’ nieżel tliet sulari! Huwa għalhekk li n-nies jidhru tant inkwetati. Meta n-nies jiġbru t-tifel, ikun eżatt kif beżgħu li se jsibu. Huwa mejjet!

Meta Pawlu jara li t-tifel miet, hu jintelaq fuqu u jgħannqu. Imbagħad jgħid: ‘Tinkwetawx. Jinsab tajjeb!’ U veru! Huwa miraklu! Pawlu reġa’ ġabu lura għall-ħajja! Il-folla kollha timtela bil-ferħ.

Kollha jerġgħu jitilgħu fuq u jieklu xi ħaġa. Pawlu jibqa’ jitkellem sa ma jisbaħ. Imma tista’ tibqa’ ċert li Ewtiku ma jerġax jorqod! Imbagħad, Pawlu, Timotju, u dawk li qed jivvjaġġaw magħhom jitilgħu fil-bastiment. Taf fejn sejrin?

Pawlu qed jispiċċa t-tielet vjaġġ ta’ ppritkar u jinsab fi triqtu lura d-dar. F’dan il-vjaġġ, Pawlu qatta’ biss biss tliet snin fil-belt t’Efesu. Allura dan hu vjaġġ saħansitra itwal mit-tieni wieħed li għamel.

Wara li jitlaq minn Troas, il-bastiment jieqaf għal xi żmien Miletu. Ladarba Efesu hi biss ftit kilometri ’l bogħod, Pawlu jibgħat biex l-irġiel ixjeħ tal-kongregazzjoni jiġu Miletu ħalli jkun jista’ jkellimhom għall-aħħar darba. Wara, meta jkun sar il-ħin biex jitlaq il-bastiment, huma jkunu verament imnikktin li jaraw lil Pawlu jħallihom!

Fl-aħħar il-bastiment jiġi lura Ċesarija. Waqt li Pawlu jkun qed joqgħod fid-dar tad-dixxiplu Filippu, il-profeta Agabu jagħtih twissija. Hu jgħid li Pawlu se jsir priġunier meta jmur Ġerusalemm. U veru, hekk jiġri. Imbagħad, wara li jkun ilu sentejn il-ħabs f’Ċesarija, Pawlu jintbagħat Ruma biex jidher quddiem il-ħakkiem Ruman Ċesari. Ejja naraw x’jiġri fit-triq lejn Ruma.

Atti kapitli 19 sa 26.



Mistoqsijiet

  • Fl-istampa, min hu t-tifel mixħut fl-art u xi ġralu?
  • Pawlu x’jagħmel meta jara li t-tifel hu mejjet?
  • Fejn sejrin Pawlu, Timotju, u dawk li qed jivvjaġġaw magħhom, u x’jiġri meta jieqfu Miletu?
  • Il-profeta Agabu xi twissija jagħti lil Pawlu, u kif jiġri eżatt kif qal il-profeta?

Iktar mistoqsijiet