Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 110: Timotju—Għajnuna Ġdida Għal Pawlu

Storja 110: Timotju—Għajnuna Ġdida Għal Pawlu

IR-RAĠEL żagħżugħ li qed tara hawn mal-appostlu Pawlu hu Timotju. Timotju jgħix mal-familja tiegħu f’Listra. Ommu jisimha Ewniċe u nanntu Lojs.

Din hi t-tielet darba li Pawlu żar Listra. Xi sena qabel, Pawlu u Barnaba ġew hawn għall-ewwel darba fuq vjaġġ ta’ ppritkar. U issa Pawlu reġa’ ġie mal-ħabib tiegħu Sila.

Timotju u Pawlu

Taf x’qed jgħid Pawlu lil Timotju? Qed jistaqsih: ‘Tixtieq tingħaqad miegħi u ma’ Sila? Għandna bżonn l-għajnuna tiegħek biex nippritkaw lin-nies li jgħixu f’postijiet ’il bogħod.’

Iva,’ iwieġeb Timotju, ‘nixtieq niġi.’ Allura ftit taż-żmien wara, Timotju jitlaq lill-familja tiegħu u jmur ma’ Pawlu u Sila. Imma qabel ma nitgħallmu dwar il-vjaġġ tagħhom, ejja naraw minn xiex għadda Pawlu. Għaddew 17-il sena minn meta deherlu Ġesù fit-triq lejn Damasku.

Jekk tiftakar, Pawlu mar Damasku biex iweġġa’ lid-dixxipli ta’ Ġesù, imma issa hu stess sar dixxiplu! Wara, xi għedewwa jippjanaw li joqtlu lil Pawlu għax ma jiħdux pjaċir li qed jgħallem dwar Ġesù. Imma d-dixxipli jgħinu lil Pawlu jaħrab. Ipoġġuh f’qoffa u jniżżluh barra s-sur tal-belt.

Wara, Pawlu jmur Antjokja biex jipprietka. Huwa hawn li għall-ewwel darba s-segwaċi ta’ Ġesù jissejħu Kristjani. Imbagħad, Pawlu u Barnaba jintbagħtu minn Antjokja fuq vjaġġ ta’ ppritkar f’pajjiżi li huma ’l bogħod ħafna. Waħda mill-bliet li jżuru hi Listra, fejn joqgħod Timotju.

Issa, xi sena wara, Pawlu jerġa’ jinsab Listra fuq it-tieni vjaġġ tiegħu. Meta Timotju jitlaq ma’ Pawlu u Sila, taf fejn imorru? Ħares lejn il-mappa, u ejja nitgħallmu xi ftit mill-postijiet.

L-ewwel imorru Ikonju, li hi fil-viċin, u mbagħad imorru f’belt oħra li wkoll jisimha Antjokja. Wara jivvjaġġaw ’il fuq lejn Troas, imbagħad lejn Filippi, Tessalonika, u Berea. Qed tara lil Ateni fuq il-mappa? Pawlu jipprietka hemmhekk. Wara jqattgħu sena u nofs jippritkaw f’Korintu. Fl-aħħar, jieqfu għal ftit f’Efesu. Imbagħad, jiġu lura Ċesarija permezz ta’ bastiment, u jivvjaġġaw ’il fuq lejn Antjokja, fejn joqgħod Pawlu.

Għalhekk, Timotju jivvjaġġa ħafna mijiet ta’ kilometri biex jgħin lil Pawlu jipprietka “l-aħbar tajba” u jibda ħafna kongregazzjonijiet Kristjani. Tixtieq tkun qaddej leali t’Alla bħal Timotju la tikber?

Atti 9:19-30; 11:19-26; kapitli 13 sa 17; 18:1-22.

Mappa

1. Ruma; 2. Malta; 3. Berea; 4. Tessalonika; 5. Korintu; 6. Filippi; 7. Ateni; 8. Kreta; 9. Troas; 10. Efesu; 11. Miletu; 12. Kolossi; 13. Antjokja; 14. Ikonju; 15. Listra; 16. Ċipru; 17. Antjokja; 18. Ċesarija; 19. Ġaffa; 20. Damasku; 21. Ġerusalemm; 22. Il-Baħar il-Kbir (Mediterran)



Mistoqsijiet

  • Min hu r-raġel żagħżugħ fl-istampa, fejn jgħix, u x’jisimhom ommu u nanntu?
  • Timotju x’jgħid meta Pawlu jistaqsih jekk iridx jingħaqad ma’ Sila u Pawlu biex jipprietka lin-nies li jgħixu ’l bogħod?
  • Is-segwaċi ta’ Ġesù f’liema post jissejħu Kristjani għall-ewwel darba?
  • Wara li Pawlu, Sila, u Timotju jitilqu minn Listra, liema huma xi bliet li jżuru?
  • Timotju kif jgħin lil Pawlu, u ż-żgħażagħ x’mistoqsija għandhom jistaqsu lilhom infushom?

Iktar mistoqsijiet