Storja 109: Pietru Jmur Għand Kornelju
DAK hu l-appostlu Pietru bilwieqfa hemm, u hemm xi ftit mill-ħbieb tiegħu warajh. Imma dan ir-raġel għala qed imil quddiem Pietru? Għandu jagħmel hekk? Taf min hu?

Dan ir-raġel hu Kornelju. Hu uffiċjal tal-armata Rumana. Kornelju ma jafx lil Pietru imma ntqallu biex jistiednu fid-dar tiegħu. Ejja naraw x’wassal għal dan.
L-ewwel segwaċi ta’ Ġesù kienu Lhud imma Kornelju mhuwiex Lhudi. Iżda hu jħobb lil Alla, ikellmu fit-talb, u jagħmel ħafna atti ta’ qalb tajba lin-nies. Mela, darba waranofsinhar, jidhirlu anġlu u jgħidlu: ‘Alla ferħan bik u se jwieġeb it-talb tiegħek. Ibgħat xi rġiel biex iġibu lil wieħed raġel jismu Pietru. Qed joqgħod f’Ġaffa fid-dar ta’ Xmun li jgħix ħdejn il-baħar.’
Mill-ewwel Kornelju jibgħat xi rġiel biex isibu lil Pietru. L-għada, meta l-irġiel ikunu qorbu lejn Ġaffa, Pietru jkun fuq il-bejt tad-dar ta’ Xmun. Hemmhekk Alla jġiegħel lil Pietru jaħseb li qed jara liżar kbir nieżel mis-sema. Fil-liżar hemm kull xorta t’annimali. Skont il-liġi t’Alla, dawn l-annimali mhumiex nodfa biex jittieklu, imma leħen jgħid: ‘Qum Pietru. Oqtol u kul.’
Pietru jwieġeb: ‘Le. Jien qatt ma kilt dak li mhux nadif.’ Imma l-leħen jgħid lil Pietru: ‘Tibqax issejjaħ mhux nadif dak li Alla issa jgħid li hu nadif.’ Dan kollu jiġri tliet darbiet. Waqt li Pietru qed jaħseb x’seta’ jfisser dan, l-irġiel li bagħat Kornelju jaslu d-dar ta’ Xmun u jistaqsu għal Pietru.
Pietru jinżel isfel u jgħid: ‘Jien ir-raġel li qed tfittxu. Xi tridu?’ Meta l-irġiel jispjegaw li anġlu qal lil Kornelju biex jistieden lil Pietru f’daru, Pietru jaċċetta li jmur magħhom. L-għada Pietru u l-ħbieb tiegħu jitilqu biex imorru għand Kornelju f’Ċesarija.
Kornelju laqqa’ flimkien lill-qraba tiegħu u l-ħbieb tal-qalb. Meta jasal Pietru, Kornelju jiltaqa’ miegħu. Hu jinżel u jmil ħdejn saqajn Pietru, kif tista’ tara hawn. Imma Pietru jgħid: ‘Qum; jien sempliċi bniedem.’ Iva, il-Bibbja turi li mhuwiex tajjeb li wieħed imil u jqim lil raġel. Għandna nqimu lil Ġeħova biss.
Pietru issa jipprietka lil dawk li kienu miġburin. ‘Nista’ nara li Alla jaċċetta lil dawk kollha li jridu jaqduh,’ jgħid Pietru. U waqt li jkun qed jitkellem, Alla jibgħat l-ispirtu qaddis tiegħu, u l-irġiel jibdew jitkellmu b’lingwi differenti. Id-dixxipli Lhud li ġew ma’ Pietru jistagħġbu b’dan għax huma ħasbu li Alla jiffavorixxi lil-Lhud biss. Għalhekk dan jgħallimhom li Alla ma jħarisx lejn in-nies ta’ razza waħda bħala li huma aħjar jew iktar importanti għal Alla min-nies ta’ kull razza oħra. Mhijiex din xi ħaġa tajba li lkoll kemm aħna għandna niftakru?
Atti 10:1-48; 11:1-18; Rivelazzjoni 19:10.
Mistoqsijiet
- Min hu r-raġel fl-istampa li qed imil?
- X’jgħid anġlu lil Kornelju?
- Alla xi jġiegħel li jara Pietru meta dan ikun fuq il-bejt ta’ dar Xmun f’Ġaffa?
- Pietru għala jgħid lil Kornelju li m’għandux imil u jqimu?
- Għala jistagħġbu d-dixxipli Lhud li huma ma’ Pietru?
- X’lezzjoni importanti għandna nitgħallmu miż-żjara ta’ Pietru lil Kornelju?
Iktar mistoqsijiet
- Aqra Atti 10:1-48.
Kliem Pietru f’Atti 10:42 x’juri dwar ix-xogħol tal-ippritkar tal-aħbar tajba tas-Saltna? (Mt. 28:19; Mk. 13:10; Atti 1:8)
- Aqra Atti 11:1-18.
X’attitudni wera Pietru meta d-direzzjoni ta’ Ġeħova għall-Ġentili saret ovvja, u kif nistgħu nimitaw l-eżempju tiegħu? (Atti 11:17, 18; 2 Kor. 10:5; Efes. 5:17)