Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 107: Stiefnu Jiġi Mħaġġar

Storja 107: Stiefnu Jiġi Mħaġġar

IR-RAĠEL hawn li qiegħed għarkopptejh hu Stiefnu. Huwa dixxiplu leali ta’ Ġesù. Imma ara x’qed jiġrilu issa! Dawn l-irġiel qed iwaddbulu ġebel kbir. Għala jobogħdu lil Stiefnu tant li qed jagħmlu din il-ħaġa terribbli? Ejja naraw.

Stiefnu qed jiġi mħaġġar

Alla kien qed jgħin lil Stiefnu jagħmel mirakli tal-għaġeb. Dawn l-irġiel ma jiħdux pjaċir b’dan, u għalhekk jargumentaw miegħu dwar il-fatt li jgħallem lin-nies il-verità. Imma Alla jagħti lil Stiefnu għerf kbir, u Stiefnu juri li dawn l-irġiel kienu qed jgħallmu l-gideb. Dan jirrabjahom saħansitra iktar. Għalhekk jaħtfuh, u jsejħu rġiel biex jigdbu fuqu.

Il-qassis il-kbir jistaqsi lil Stiefnu: ‘Huwa veru dak li qed jgħidu?’ Stiefnu jwieġeb billi jagħti taħdita mill-aħjar mill-Bibbja. Fl-aħħar tat-taħdita jgħid kif irġiel ħżiena kienu jobogħdu lill-profeti ta’ Ġeħova żmien twil ilu. Imbagħad jgħid: ‘Intom eżatt l-istess bħal dawk l-irġiel. Intom qtiltu l-qaddej t’Alla, Ġesù, u m’obdejtux il-liġijiet t’Alla.’

Dan tgħidx kemm jirrabja lill-mexxejja reliġjużi! Jheżżu snienhom bir-rabja. Imma mbagħad Stiefnu jgħolli rasu ’l fuq u jgħid: ‘Ara! Qed nara lil Ġesù bilwieqfa fuq in-naħa l-leminija t’Alla fis-sema.’ Malli jgħid dan, dawn l-irġiel jgħattu widnejhom u jiġru għal fuq Stiefnu. Jaħtfuh u jkaxkruh ’il barra mill-belt.

Hawnhekk, ineħħu l-ilbiesi ta’ fuq tagħhom u jagħtuhom liż-żagħżugħ Sawl biex jieħu ħsiebhom. Qed tarah lil Sawl? Imbagħad xi rġiel jibdew iwaddbu l-ġebel lil Stiefnu. Stiefnu jinżel għarkopptejh, kif tista’ tara, u jitlob lil Alla: ‘Ġeħova, tikkastigahomx għal din il-ħaġa ħażina.’ Hu jaf li xi wħud minnhom ġew imqarrqin mill-mexxejja reliġjużi. Wara dan, Stiefnu jmut.

Meta xi ħadd jagħmillek xi ħaġa ħażina, tipprova tpattihielu? Titlob lil Alla biex ipattihielu? Stiefnu u Ġesù m’għamlux hekk. Kienu qalbhom tajba anki ma’ dawk li kienu kattivi magħhom. Ejja nipprovaw inkunu bħalhom.

Atti 6:8-15; 7:1-60.



Mistoqsijiet

  • Min hu Stiefnu, u Alla x’kien qed jgħinu jagħmel?
  • Stiefnu x’jgħid li jirrabja ħafna lill-mexxejja reliġjużi?
  • Meta l-irġiel ikaxkru lil Stiefnu ’l barra mill-belt, x’jagħmlulu?
  • Fl-istampa, min hu r-raġel żagħżugħ li qiegħed bilwieqfa ħdejn l-ilbiesi?
  • Stiefnu x’jitlob lil Ġeħova qabel ma jmut?
  • Bħal Stiefnu x’għandna nagħmlu meta xi ħadd jagħmlilna xi ħaġa ħażina?

Iktar mistoqsijiet