Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 106: Jinħelsu mill-Ħabs

Storja 106: Jinħelsu mill-Ħabs

ARA l-anġlu hawn! Qed iżomm il-bieb tal-ħabs miftuħ. L-irġiel li qed jeħles huma l-appostli ta’ Ġesù. Ejja naraw x’wassal biex spiċċaw mitfugħin il-ħabs.

Anġlu qed jeħles lill-appostli

Għadda biss ftit żmien mindu tferra’ l-ispirtu qaddis fuq id-dixxipli ta’ Ġesù. U dan hu li jiġri: Darba waranofsinhar Pietru u Ġwanni jinsabu deħlin it-tempju f’Ġerusalemm. Hemmhekk, ħdejn il-bieb, hemm raġel li ilu zopp ħajtu kollha. In-nies iġorruh hawn kuljum biex ikun jista’ jittallab il-flus minn dawk li jkunu deħlin it-tempju. Meta jara lil Pietru u Ġwanni, hu jitlobhom jagħtuh xi ħaġa. X’se jagħmlu l-appostli?

Huma jieqfu u jħarsu lejn l-imsejken raġel. ‘M’għandix flus,’ jgħid Pietru, ‘Imma dak li għandi nagħtihulek. F’isem Ġesù, qum, u imxi!’ Pietru mbagħad jaqbad lir-raġel minn idu l-leminija, u f’kemm ili ngħidlek iqum u jibda jimxi. Meta n-nies jaraw dan jistagħġbu u huma ferħanin ħafna b’dan il-miraklu meraviljuż.

Pietru jgħid: ‘Hu bil-qawwa t’Alla, li qajjem lil Ġesù mill-mewt, li għamilna dan il-miraklu.’ Waqt li hu u Ġwanni qed jitkellmu jgħaddu xi mexxejja reliġjużi. Huma rrabjati għax Pietru u Ġwanni qed jgħidu lin-nies dwar kif Ġesù ġie mqajjem mill-mewt. Għalhekk, jaqbduhom u jitfgħuhom il-ħabs.

L-għada l-mexxejja reliġjużi jkollhom laqgħa kbira. Pietru u Ġwanni, flimkien mar-raġel li fejqu, jinġiebu quddiemhom. ‘Permezz ta’ liema qawwa għamiltu dan il-miraklu?’ jistaqsu l-mexxejja reliġjużi.

Pietru jgħidilhom li hu permezz tal-qawwa t’Alla, li qajjem lil Ġesù mill-mewt. Il-qassisin ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu għax ma jistgħux jiċħdu l-fatt li tassew seħħ dan il-miraklu meraviljuż. Allura jwissu lill-appostli biex ma jibqgħux jitkellmu dwar Ġesù u jħalluhom jitilqu.

Hekk kif jgħaddu l-ġranet, l-appostli jibqgħu jitkellmu dwar Ġesù u jfejqu lill-morda. L-aħbar dwar dawn il-mirakli tinxtered. U għalhekk, anki folol mill-bliet ta’ madwar Ġerusalemm iġibu lill-morda tagħhom ħalli l-appostli jfejquhom. Dan iġiegħel lill-mexxejja reliġjużi jgħiru, u għalhekk jaqbdu lill-appostli u jitfgħuhom il-ħabs. Imma ma tantx idumu hemm.

Matul il-lejl, l-anġlu t’Alla jiftħilhom il-bieb tal-ħabs, kif tista’ tara hawn. L-anġlu jgħid: ‘Morru, oqogħdu fit-tempju, u ibqgħu kellmu lin-nies.’ L-għada filgħodu, meta l-mexxejja reliġjużi jibagħtu xi rġiel biex iġibu l-appostli mill-ħabs, ma jkunux hemm. Iktar tard, l-irġiel isibuhom jgħallmu fit-tempju u jġibuhom fis-sala tas-Sinedriju.

Il-mexxejja reliġjużi jgħidu: ‘Aħna ordnajnielkom bis-sħiħ biex ma tibqgħux tgħallmu dwar Ġesù. Imma mlejtu lil Ġerusalemm bit-tagħlim tagħkom.’ Imbagħad l-appostli jwieġbu: ‘Irridu nobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-bniedem.’ Għalhekk jibqgħu jxandru “l-aħbar tajba.” Mhuwiex dan eżempju tajjeb biex nimitaw?

Atti kapitli 3 sa 5.



Mistoqsijiet

  • X’jiġri lil Pietru u Ġwanni darba waranofsinhar waqt li jkunu deħlin fit-tempju?
  • Pietru x’jgħid lil raġel zopp, u Pietru x’jagħtih li hu iktar ta’ valur mill-flus?
  • Il-mexxejja reliġjużi għala jirrabjaw, u x’jagħmlu lil Pietru u Ġwanni?
  • Pietru x’jgħid lill-mexxejja reliġjużi, u xi twissija jingħataw l-appostli?
  • Il-mexxejja reliġjużi għala jgħiru, imma x’jiġri meta l-appostli jiġu mitfugħin il-ħabs it-tieni darba?
  • L-appostli kif iwieġbu meta jittieħdu fis-sala tas-Sinedriju?

Iktar mistoqsijiet