DAWN in-nies hawnhekk huma s-segwaċi ta’ Ġesù. Huma obdewh u baqgħu f’Ġerusalemm. U waqt li jkunu qed jistennew kollha flimkien, ħoss qawwi jimla lid-dar kollha. Il-ħoss jinstema’ bħal buffura riħ qawwi. U mbagħad jibdew jidhru ilsna tan-nar fuq ras kull wieħed u waħda mid-dixxipli. Tista’ tara n-nar fuq kull wieħed minnhom? Dan kollu xi jfisser?

L-ispirtu qaddis fuq id-dixxipli tal-ewwel seklu

Huwa miraklu! Ġesù jinsab lura s-sema ma’ Missieru u qed iferra’ l-ispirtu qaddis t’Alla fuq is-segwaċi tiegħu. Taf xi jġegħelhom jagħmlu l-ispirtu? Kollha jibdew jitkellmu lingwi differenti.

Ħafna nies f’Ġerusalemm jisimgħu l-ħoss li qisu riħ qawwi, u jiġu jaraw x’inhu jiġri. Xi nies huma minn ġnus oħrajn u ġew għall-festa Iżraelija ta’ Pentekoste. Kemm jibqgħu mbellhin il-viżitaturi! Huma jisimgħu lid-dixxipli jitkellmu bil-lingwi tagħhom stess dwar l-affarijiet meraviljużi li Alla għamel.

Il-viżitaturi jgħidu: ‘Dawn in-nies huma kollha mill-Galilija. Allura, kif inhu li jistgħu jitkellmu b’dawn il-lingwi differenti tal-pajjiżi minn fejn ġejjin aħna?’

Pietru issa jqum bilwieqfa biex jispjegalhom. Hu b’leħen għoli jgħid lin-nies dwar kif Ġesù ġie maqtul u li Ġeħova qajmu mill-imwiet. ‘Issa Ġesù qiegħed fis-sema fuq il-lemin t’Alla,’ jgħid Pietru. ‘U hu ferra’ l-ispirtu qaddis imwiegħed. Għalhekk rajtu u smajtu dawn il-mirakli.’

Mela, meta Pietru jgħid dawn l-affarijiet, ħafna min-nies tassew jiddispjaċihom għal dak li għamlu lil Ġesù. Huma jistaqsu: ‘X’għandna nagħmlu?’ Pietru jgħidilhom: ‘Għandkom bżonn tbiddlu ħajjitkom u titgħammdu.’ Għalhekk, dakinhar stess jitgħammdu madwar 3,000 persuna u jsiru segwaċi ta’ Ġesù.

Atti 2:1-47.



Mistoqsijiet

  • Bħalma turi l-istampa, x’jiġri lis-segwaċi ta’ Ġesù li kienu qed jistennew f’Ġerusalemm?
  • Biex jibqgħu mbellhin il-viżitaturi f’Ġerusalemm?
  • Pietru x’jispjega lin-nies?
  • In-nies kif iħossuhom wara li semgħu lil Pietru, u x’jgħidilhom jagħmlu?
  • Kemm jitgħammdu nies dakinhar ta’ Pentekoste tas-sena 33 E.K.?

Iktar mistoqsijiet