TAF min hija din il-mara u dawn iż-żewġt irġiel? Il-mara hi Marija Maddalena, ħabiba ta’ Ġesù. U l-irġiel lebsin l-abjad huma anġli. Din il-kamra żgħira li Marija qed tittawwal fiha hi l-post fejn tpoġġa l-ġisem ta’ Ġesù wara li miet. Tissejjaħ qabar. Imma issa l-ġisem m’għadux hemm! Min ħadu? Ejja naraw.

Anġli qed jitkellmu ma’ Marija Maddalena

Wara li jmut Ġesù, il-qassisin jgħidu lil Pilatu: ‘Meta Ġesù kien ħaj, hu qal li kien se jqum wara tlett ijiem. Għalhekk, ordna li titqiegħed l-għassa mal-qabar. Imbagħad id-dixxipli tiegħu ma jkunux jistgħu jisirqu ġismu u jgħidu li ġie mqajjem mill-mewt!’ Pilatu jgħid lill-qassisin biex jibagħtu s-suldati ħalli jgħassu l-qabar.

Imma kmieni ħafna fit-tielet jum wara li miet Ġesù, f’daqqa waħda jiġi anġlu ta’ Ġeħova. Hu jgerbeb il-ġebla minn quddiem il-qabar. Is-suldati tant jibżgħu li lanqas ikunu jifilħu jiċċaqalqu. Fl-aħħar, meta jħarsu ġol-qabar, il-ġisem ma jkunx hemm! Xi wħud mis-suldati jidħlu fil-belt u jgħidu lill-qassisin. Taf x’jagħmlu l-qassisin ħżiena? Huma jħallsu lis-suldati biex jigdbu. ‘Għidu li d-dixxipli tiegħu ġew bil-lejl, meta kontu reqdin, u li serqu l-ġisem,’ jgħidu l-qassisin lis-suldati.

Sadanittant, xi ħbieb nisa ta’ Ġesù jżuru l-qabar. Kemm jinħasdu meta jsibuh vojt! F’daqqa waħda jidhru żewġ anġli bi ħwejjeġ jiddu. ‘Għala qed tfittxuh hawn lil Ġesù?’ jistaqsu huma. ‘Hu ġie mqajjem mill-mewt. Morru malajr u għidu lid-dixxipli tiegħu.’ Kemm jiġru dawn in-nisa! Imma fit-triq iwaqqafhom wieħed raġel. Taf min hu? Hu Ġesù! Hu jgħid: ‘Morru għidu lid-dixxipli tiegħi.’

Meta n-nisa jgħidu lid-dixxipli li Ġesù ħaj u li rawh, id-dixxipli ma jkunux iridu jemmnuhom. Pietru u Ġwanni jitilqu jiġru lejn il-qabar biex jaraw dan b’għajnejhom stess, imma l-qabar vojt! Meta Pietru u Ġwanni jitilqu, Marija Maddalena tibqa’ fil-post. Dan hu meta tittawwal ġewwa u tara liż-żewġ anġli.

Taf x’ġara mill-ġisem ta’ Ġesù? Alla ġiegħel li jisparixxi. Alla ma tax lil Ġesù l-ġisem tal-laħam li miet bih meta qajmu għall-ħajja. Hu ta lil Ġesù ġisem ġdid bħala spirtu, bħalma għandhom l-anġli fis-sema. Imma biex juri lid-dixxipli tiegħu li hu ħaj, Ġesù jista’ jieħu ġisem li n-nies jistgħu jarawh, bħalma se nitgħallmu.

Mattew 27:62-66; 28:1-15; Luqa 24:1-12; Ġwanni 20:1-12.



Mistoqsijiet

  • Min hi l-mara fl-istampa, min huma ż-żewġt irġiel, u fejn huma?
  • Pilatu għala jgħid lill-qassisin biex jibagħtu xi suldati għassa mal-qabar ta’ Ġesù?
  • X’jagħmel anġlu kmieni fit-tielet jum wara l-mewt ta’ Ġesù, imma l-qassisin x’jagħmlu?
  • Xi nisa għala jibqgħu skantati meta jżuru l-qabar ta’ Ġesù?
  • Pietru u Ġwanni għala jiġru lejn il-qabar ta’ Ġesù, u xi jsibu?
  • X’ġara mill-ġisem ta’ Ġesù, imma x’jagħmel biex juri lid-dixxipli li hu ħaj?

Iktar mistoqsijiet