Fit-tielet jum wara mewtu, Ġesù ġie rxoxtat. Dakinhar hu deher lis-segwaċi tiegħu f’ħames darbiet differenti. Ġesù kompla jidhrilhom għal 40 jum. Imbagħad, waqt li xi wħud mid-dixxipli tiegħu kienu qed jarawh, Ġesù tela’ s-sema. Għaxart ijiem wara, Alla ferra’ l-ispirtu qaddis fuq is-segwaċi ta’ Ġesù li kienu qed jistennew f’Ġerusalemm.

Iktar tard, xi għedewwa t’Alla tefgħu lill-appostli fil-ħabs, imma anġlu ħelishom. Id-dixxiplu Stiefnu ġie mħaġġar għall-mewt minn dawk li kienu jopponu. Imma nitgħallmu kif Ġesù għażel wieħed minn dawn l-opponenti biex ikun qaddej speċjali tiegħu, u dan sar magħruf bħala l-appostlu Pawlu. Imbagħad tliet snin u nofs wara l-mewt ta’ Ġesù, Alla bagħat lill-appostlu Pietru jipprietka lil Kornelju, li ma kienx Lhudi, u lil dawk ta’ daru.

Xi 13-il sena wara, Pawlu beda l-ewwel vjaġġ tiegħu ta’ ppritkar. Fit-tieni vjaġġ, Timotju ngħaqad ma’ Pawlu. Nitgħallmu kif Pawlu u sħabu li kienu jivvjaġġaw miegħu għaddew minn ġrajjiet eċċitanti huma u jaqdu lil Alla. Fl-aħħar, Pawlu jintefa’ l-ħabs f’Ruma. Sentejn wara jiġi meħlus imma mbagħad jerġa’ jintefa’ l-ħabs u jiġi maqtul. Il-ġrajjiet tas-SEBA’ Parti seħħew f’perijodu ta’ xi 32 sena.

Sawl mogħmi minn dawl