Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 64: Salamun Jibni t-Tempju

Storja 64: Salamun Jibni t-Tempju

QABEL miet, David ta lil Salamun il-pjanijiet minn Alla biex jibni t-tempju ta’ Ġeħova. Fir-raba’ sena tal-ħakma tiegħu, Salamun jibda jibni t-tempju, u jieħu seba’ snin u nofs biex jitlesta. Għaxriet t’eluf ta’ rġiel jaħdmu fuq it-tempju, u l-bini jiswa ħafna u ħafna flus. Dan għax jintuża ħafna deheb u fidda fil-bini.

It-tempju għandu żewġ kmamar prinċipali, l-istess kif kellu t-tabernaklu. Imma dawn il-kmamar huma d-doppju ta’ dawk tat-tabernaklu. Salamun ipoġġi l-arka tal-patt fil-kamra ta’ ġewwa tat-tempju, u l-affarijiet l-oħrajn li kienu jinżammu fit-tabernaklu tpoġġew fil-kamra l-oħra.

Meta t-tempju jitlesta, issir festa kbira. Salamun jinżel għarkopptejh quddiem it-tempju u jitlob, bħalma tista’ tara fl-istampa. ‘Lanqas is-sema kollu mhu kbir biżżejjed biex jesgħek,’ jgħid Salamun lil Ġeħova, ‘mela kemm inqas ma jista’ jesgħek dan it-tempju. Imma, O Alla tiegħi, jekk jogħġbok, isma’ lill-poplu tiegħek meta jitolbu lejn dan il-post.’

Is-Sultan Salamun qed jitlob

Meta Salamun ilesti t-talba tiegħu, jinżel nar mis-sema. Jaħraq is-sagrifiċċji li saru tal-annimali. U dawl jiddi mingħand Ġeħova jimla t-tempju. Dan juri li Ġeħova qed jisma’, u li hu ferħan bit-tempju u t-talba ta’ Salamun. It-tempju, minflok it-tabernaklu, issa jsir il-post fejn in-nies jiġu biex jagħtu qima.

Għal żmien twil Salamun jaħkem b’mod għaqli, u n-nies huma ferħanin. Imma Salamun jiżżewweġ ħafna nisa minn pajjiżi oħrajn li ma jqimux lil Ġeħova. Tista’ taraha lil waħda minnhom tagħti qima quddiem l-istatwa? Fl-aħħar in-nisa ta’ Salamun iġegħluh iqim allat oħrajn ukoll. Taf x’jiġri meta Salamun jagħmel dan? Ma jibqax jittratta man-nies b’qalb tajba. Isir kattiv, u n-nies ma jibqgħux ferħanin.

Is-Sultan Salamun qed iqim lil idolu

Minħabba dan, Ġeħova jkun irrabjat ma’ Salamun, u jgħidlu: ‘Se niħodlok is-saltna u nagħtiha lil raġel ieħor. M’iniex se nagħmilha matul ħajtek, imma matul il-ħakma t’ibnek. Imma lil ibnek mhux se niħodlu n-nies kollha tas-saltna.’ Ejja naraw kif dan jiġri.

1 Kronaki 28:9-21; 29:1-9; 1 Slaten 5:1-18; 2 Kronaki 6:12-42; 7:1-5; 1 Slaten 11:9-13.



Mistoqsijiet

  • Kemm jiħodlu żmien lil Salamun biex ilesti l-bini tat-tempju ta’ Ġeħova, u għala jiswa daqshekk flus?
  • Kemm hemm kmamar prinċipali fit-tempju, u x’jitpoġġa fil-kamra ta’ ġewwa?
  • Salamun x’jgħid fit-talba tiegħu meta jitlesta t-tempju?
  • Ġeħova kif juri li jieħu pjaċir bit-talba ta’ Salamun?
  • In-nisa ta’ Salamun xi jġegħluh jagħmel, u x’jiġrilu Salamun?
  • Ġeħova għala hu rrabjat ma’ Salamun, u Ġeħova x’jgħidlu?

Iktar mistoqsijiet