Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 62: Inkwiet fid-Dar ta’ David

Storja 62: Inkwiet fid-Dar ta’ David

WARA li David jibda jaħkem f’Ġerusalemm, Ġeħova jagħti lill-armata tiegħu ħafna rebħiet fuq l-għedewwa tagħhom. Ġeħova kien wiegħed li jagħti l-art ta’ Kangħan lill-Iżraelin. U issa, bl-għajnuna ta’ Ġeħova, l-art kollha li kienet imwiegħda fl-aħħar issir tagħhom.

David huwa ħakkiem tajjeb. Hu jħobb lil Ġeħova. Għalhekk, waħda mill-ewwel affarijiet li jagħmel wara li rebaħ lil Ġerusalemm hi li jġib l-arka tal-patt ta’ Ġeħova hemmhekk. U hu jrid jibni tempju biex ipoġġiha fih.

Meta David jikber, hu jagħmel żball serju. David jaf li hu ħażin li tieħu xi ħaġa li hi ta’ xi ħadd ieħor. Imma lejla waħda, meta jkun fuq il-bejt tal-palazz tiegħu, hu jħares ’l isfel u jara mara sabiħa ħafna. Jisimha Bat-seba, u r-raġel tagħha hu wieħed mis-suldati tiegħu jismu Urija.

David tant irid lil Bat-seba li jibgħat għaliha biex tiġi fil-palazz tiegħu. Ir-raġel tagħha qiegħed ’il bogħod jiġġieled. Mela, David jimtedd magħha u wara hi ssir taf li ħa jkollha tarbija. David tgħidx kemm jinkwieta u jordna lil Ġowab, il-kap tal-armata tiegħu, biex iqiegħed lil Urijah fuq quddiem tal-battalja fejn jiġi maqtul. Meta Urija jmut, David jiżżewweġ lil Bat-seba.

Ġeħova hu rrabjat ħafna ma’ David. Għalhekk, jibgħat lill-qaddej tiegħu, Natan, biex jgħidlu bid-dnubiet tiegħu. Hawn tista’ tara lil Natan jitkellem ma’ David. David jiddispjaċih ħafna għal dak li għamel, u għalhekk Ġeħova ma joqtlux. Imma Ġeħova jgħid: ‘Minħabba li għamilt dawn l-affarijiet ħżiena, se jkollok ħafna inkwiet fid-dar tiegħek.’ U veru, tgħidx kemm jinqalagħlu inkwiet David!

Natan qed jagħti pariri lil David

L-ewwel, it-tifel ta’ Bat-seba jmut. Imbagħad, l-ewwel iben ta’ David, Amnon, isib lil oħtu Tamar waħedha u jġegħelha timtedd miegħu. It-tifel ta’ David, Absalom, tant jirrabja minħabba dan li joqtol lil Amnon. Iktar tard, Absalom isir popolari ma’ ħafna nies u jagħmel lilu nnifsu sultan. Fl-aħħar, David jirbaħ il-gwerra kontra Absalom u dan jinqatel. Iva, David ikollu ħafna inkwiet.

Waqt li dan kollu jkun għaddej, Bat-seba tiled iben u ssemmih Salamun. Meta David ikun xjaħ u marad, ibnu Adonija jipprova jagħmel lilu nnifsu sultan. Meta jiġri dan, David iqabbad qassis li jismu Sadok biex iferra’ ż-żejt fuq ras Salamun ħalli juri li Salamun ħa jkun is-sultan. Ftit wara, David imut ta’ 70 sena. Hu ħakem għal 40 sena, imma issa Salamun hu s-sultan t’Iżrael.

2 Samwel 11:1-27; 12:1-18; 1 Slaten 1:1-48.



Mistoqsijiet

  • Fl-aħħar x’jiġri mill-art ta’ Kangħan, bl-għajnuna ta’ Ġeħova?
  • X’jiġri lejla waħda meta David ikun fuq il-bejt tal-palazz tiegħu?
  • Ġeħova għala hu rrabjat ħafna ma’ David?
  • Fl-istampa, Ġeħova lil min jibgħat biex jgħid lil David bi dnubietu, u r-raġel x’jgħid li se jiġrilu David?
  • X’inkwiet ikollu David?
  • Min isir is-sultan t’Iżrael wara David?

Iktar mistoqsijiet