Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 61: David Isir Sultan

Storja 61: David Isir Sultan

SAWL jerġa’ jipprova jaqbad lil David. Jieħu 3,000 mill-aħjar suldati tiegħu u jmur ifittxu. Meta David isir jaf dwar dan, hu jibgħat xi spiji biex jaraw fejn Sawl u l-irġiel tiegħu qed jikkampjaw għal matul il-lejl. Imbagħad David jistaqsi lil tnejn mill-irġiel tiegħu: ‘Min minnkom lest li jiġi miegħi fil-kamp ta’ Sawl?’

David isejjaħ lis-Sultan Sawl

Abisaj iwieġeb: ‘Jien niġi.’ Abisaj hu t-tifel t’oħt David, Seruja. Waqt li Sawl u l-irġiel tiegħu jkunu reqdin, David u Abisaj jidħlu nkiss inkiss ġol-kamp. Huma jaqbdu l-lanza ta’ Sawl u l-buqar tal-ilma tiegħu, li qiegħed eżatt ħdejn ras Sawl. Ħadd ma jarahom jew jismagħhom għax huma kollha reqdin fil-fond.

Ara lil David u lil Abisaj issa. Huma ħarbu, u jinsabu qawwijin u sħaħ fuq l-għolja. David jgħajjat lill-kap tal-armata t’Iżrael u jgħidlu: ‘Abner, għala m’intix qed tipproteġi ’l sidek, is-sultan? Ara! Fejn huma l-lanza u l-buqar tal-ilma tiegħu?’

Sawl jistenbaħ. Hu jagħraf leħen David u jistaqsi: ‘Dan int, David?’ Tista’ tara lil Sawl u lil Abner hemm isfel?

David iwieġeb lil Sawl: ‘Iva, sidi s-sultan.’ U David jistaqsi: ‘Għala qed tipprova taqbadni? Jien x’għamilt ħażin? Hawn il-lanza tiegħek, O sultan. Ħalli lil wieħed mill-irġiel tiegħek jiġi u jiħodha.’

Is-Sultan Sawl u Abner

Sawl jammetti: ‘Jien żbaljajt. Aġixxejt t’iblah.’ ‘X’ħin jisma’ dan, David jitlaq għal triqtu, u Sawl jerġa’ lura d-dar. Imma David jgħid bejnu u bejn ruħu: ‘Xi darba Sawl għad joqtolni. Imissni naħrab lejn l-art tal-Filistin.’ U hekk jagħmel. David jirnexxilu jidħaq bil-Filistin u jġegħelhom jaħsbu li hu issa qiegħed fuq in-naħa tagħhom.

Ftit taż-żmien wara, il-Filistin imorru jiġġieldu kontra Iżrael. Fil-battalja, kemm Sawl u kemm Ġonatan jinqatlu. Dan inikket ħafna lil David, u hu jikteb għanja mill-isbaħ, li fiha jkanta: ‘Jien imnikket minħabba fik, ħija Ġonatan. Kemm kont għażiż għalija!’

Wara dan David jirritorna Iżrael fil-belt ta’ Ħebron. Hemm issir gwerra bejn l-irġiel li jagħżlu lit-tifel ta’ Sawl, Is-boset, biex ikun sultan u dawk li jridu lil David bħala sultan. Imma fl-aħħar l-irġiel ta’ David jirbħu. David ikollu 30 sena meta jsir sultan. Għal seba’ snin u nofs isaltan f’Ħebron. Xi subien li jitwildulu hemm jisimhom Amnon, Absalom, u Adonija.

Jasal iż-żmien meta David u l-irġiel tiegħu jmorru jaqbdu belt sabiħa jisimha Ġerusalemm. Ġowab, iben ieħor t’oħt David, Seruja, jieħu t-tmexxija fil-battalja. Għalhekk, David jippremja lil Ġowab billi jagħmlu l-kap tal-armata tiegħu. Issa David jibda jaħkem fil-belt ta’ Ġerusalemm.

1 Samwel 26:1-25; 27:1-7; 31:1-6; 2 Samwel 1:26; 3:1-21; 5:1-10; 1 Kronaki 11:1-9.



Mistoqsijiet

  • David u Abisaj x’jagħmlu waqt li Sawl ikun rieqed fil-kamp tiegħu?
  • David x’mistoqsijiet isaqsi lil Sawl?
  • Wara li jitlaq minn ħdejn Sawl, David fejn imur?
  • Xi jnikket ħafna lil David, tant li jikteb għanja sabiħa?
  • David kemm ikollu żmien meta jsir sultan f’Ħebron, u x’jisimhom xi wħud minn uliedu s-subien?
  • Iktar tard, David minn fejn jaħkem bħala sultan?

Iktar mistoqsijiet