Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 60: Abigajl u David

Storja 60: Abigajl u David

TAF min hi din il-mara sabiħa li ġejja tiltaqa’ ma’ David? Jisimha Abigajl. Hi mara bil-għaqal, u żżomm lil David milli jagħmel xi ħaġa ħażina. Imma qabel ma nitgħallmu dwar dan, ejja naraw x’ġara lil David.

Wara li David jaħrab minn Sawl, hu jistaħba f’għar. Ħutu u l-bqija tal-familja tiegħu jingħaqdu miegħu hemmhekk. B’kollox xi 400 ruħ jiġu għandu, u David isir il-mexxej tagħhom. Imbagħad, David imur għand is-sultan ta’ Mowab u jgħid: ‘Jekk jogħġbok ħalli lil missieri u lil ommi joqogħdu miegħek sakemm nara x’se jiġri minni.’ Iktar tard, David u l-irġiel tiegħu jibdew jistaħbew fl-għoljiet.

Huwa wara dan li David jiltaqa’ m’Abigajl. Ir-raġel tagħha Nabal huwa raġel sinjur u għandu ħafna art. Għandu 3,000 nagħġa u 1,000 mogħża. Nabal hu raġel kattiv. Imma martu Abigajl hija sabiħa ħafna u wkoll taf tagħmel dak li hu sewwa. Darba waħda saħansitra ssalva l-familja tagħha. Ejja naraw kif.

David u l-irġiel tiegħu kienu qalbhom tajba ma’ Nabal. Huma għenu biex jipproteġu lin-nagħaġ tiegħu. Allura, jum wieħed David jibgħat xi rġiel minn tiegħu biex jitlob pjaċir mingħand Nabal. L-irġiel ta’ David jiġu għand Nabal waqt li hu u dawk li jgħinuh qed jaqtgħu s-suf tan-nagħaġ. Huwa jum ta’ festa, u Nabal għandu ħafna affarijiet tajbin x’jiekol. Għalhekk, l-irġiel ta’ David jgħidu: ‘Aħna konna qalbna tajba miegħek. Ma sraqna lanqas nagħġa waħda minn tiegħek, imma għenniek tieħu ħsiebhom. Issa, jekk jogħġbok, agħtina naqra ikel.’

Nabal jgħidilhom: ‘Jien m’iniex se nagħti l-ikel tiegħi lil nies bħalkom.’ Hu jitkellem b’mod kattiv ħafna, u jgħid affarijiet ħżiena fuq David. Meta l-irġiel jirritornaw u jgħidu lil David dwar dan, David jirrabja ħafna. ‘Aqbdu s-sjuf tagħkom!’ jgħid lill-irġiel tiegħu. U rħewlha biex joqtlu lil Nabal u lill-irġiel tiegħu.

Wieħed mill-irġiel ta’ Nabal li sema’ l-kliem kattiv li qal Nabal, jgħid lil Abigajl b’dak li ġara. Mill-ewwel Abigajl tlesti ftit ikel. Tgħabbih fuq xi ħmir u titlaq għal triqitha. Meta tiltaqa’ ma’ David, tinżel minn fuq il-ħmar, tinżel għarkopptejha u tgħidlu: ‘Jekk jogħġbok, sidi, tagħtix kas żewġi Nabal. Huwa iblah, u jagħmel affarijiet banali. Ġibtlek rigal. Jekk jogħġbok ħudu, u aħfrilna ta’ dak li ġara.’

Abigajl qed iġġib provvisti lil David

David iwieġeb: ‘Int mara għaqlija. Int żammejtni milli noqtol lil Nabal biex inpattilu ta’ kemm hu kattiv. Issa mur id-dar fil-paċi.’ Iktar tard, meta Nabal imut, Abigajl issir waħda min-nisa ta’ David.

1 Samwel 22:1-4; 25:1-43.



Mistoqsijiet

  • X’jisimha l-mara fl-istampa li ġejja tiltaqa’ ma’ David, u x’tip ta’ persuna hi?
  • Min hu Nabal?
  • David għala jibgħat xi ftit mill-irġiel tiegħu biex jitolbu pjaċir mingħand Nabal?
  • Nabal x’jgħid lill-irġiel ta’ David, u David x’jagħmel?
  • Abigajl kif turi li hi mara għaqlija?

Iktar mistoqsijiet