Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 76: Ġerusalemm Meqruda

Storja 76: Ġerusalemm Meqruda

GĦADDEW iktar minn 10 snin mindu s-Sultan Nebukadnessar ħa f’Babilonja l-Iżraelin kollha l-iktar ta’ skola. U issa ara x’qed jiġri! Ġerusalemm qed tinħaraq. U l-Iżraelin li ma nqatlux qed jittieħdu bħala priġunieri f’Babilonja.

Ftakar, dan hu dak li l-profeti ta’ Ġeħova qalu li kien se jiġri jekk in-nies ma jiqfux jagħmlu l-ħażen. Imma l-Iżraelin ma semgħux mill-profeti. Huma baqgħu jqimu lill-allat foloz minflok lil Ġeħova. Allura n-nies ħaqqhom li jiġu kastigati. Aħna nafu dan għax il-profeta t’Alla Eżekjel jgħidilna dwar l-affarijiet ħżiena li kienu qed jagħmlu l-Iżraelin.

Taf min hu Eżekjel? Huwa wieħed miż-żgħażagħ li s-Sultan Nebukadnessar ħa Babilonja iktar minn 10 snin qabel ma seħħet din il-qerda kbira ta’ Ġerusalemm. Danjel u t-tlett iħbieb tiegħu, Sidrak, Mesak, u Għabednego, ukoll kienu ttieħdu Babilonja fl-istess żmien.

Waqt li Eżekjel għadu f’Babilonja, Ġeħova jurih l-affarijiet ħżiena li qed jiġru f’Ġerusalemm ġot-tempju. Ġeħova jagħmel dan permezz ta’ miraklu. Fil-fatt, Eżekjel għadu f’Babilonja, imma Ġeħova jħallih jara dak kollu li qed jiġri fit-tempju. U dak li jara Eżekjel ikexkxek!

Ġeħova jgħid lil Eżekjel: ‘Ara l-affarijiet moqżieża li n-nies qed jagħmlu hawn fit-tempju. Ħares lejn il-ħitan miksijin bi stampi ta’ sriep u annimali oħra. U ara l-Iżraelin li qed iqimuhom!’ Eżekjel jista’ jara dawn l-affarijiet, u hu jikteb dak li qed jiġri.

Priġunieri jitilqu minn Ġerusalemm

Ġeħova jistaqsi lil Eżekjel: ‘Qed tara x’qed jagħmlu bil-moħbi l-mexxejja Iżraelin?’ Iva, hu jista’ jara dan ukoll. Hemm 70 raġel, u kollha qed iqimu lill-allat foloz. Qed jgħidu: ‘Ġeħova mhuwiex qed jarana. Hu telaq mill-art.’

Imbagħad Ġeħova juri lil Eżekjel xi nisa ħdejn il-bieb tat-Tramuntana tat-tempju. Huma bilqiegħda hemmhekk iqimu lill-alla falz Tammuż. U ara dawk l-irġiel fid-daħla tat-tempju ta’ Ġeħova! Hemm xi 25 minnhom. Eżekjel jarahom. Huma qed jinżlu għarkopptejhom lejn il-Lvant u jqimu lix-xemx!

‘Dawn in-nies ma jirrispettawnix,’ jgħid Ġeħova. ‘Mhux talli jagħmlu affarijiet ħżiena imma jiġu fit-tempju tiegħi biex jagħmluhom!’ Għalhekk Ġeħova jwiegħed: ‘Huma se jħossu l-qawwa tar-rabja tiegħi. U m’iniex se nitħassarhom meta jinqerdu.’

Huwa biss madwar tliet snin wara li Ġeħova juri dawn l-affarijiet lil Eżekjel li l-Iżraelin jirribellaw kontra s-Sultan Nebukadnessar. Għalhekk hu jmur jiġġieled kontrihom. Wara sena u nofs il-Babiloniżi jkissru s-swar ta’ Ġerusalemm u jaħarqu l-belt kollha. Il-biċċa l-kbira tan-nies jinqatlu jew jittieħdu bħala priġunieri f’Babilonja.

Ġeħova għala ħalla din il-qerda terribbli tiġri lill-Iżraelin? Għax huma ma semgħux minn Ġeħova u m’obdewx il-liġijiet tiegħu. Dan jurina kemm hu importanti li dejjem nagħmlu dak li jgħidilna Alla.

Għall-ewwel xi ftit nies jitħallew joqogħdu fl-art t’Iżrael. Is-Sultan Nebukadnessar ipoġġi lil raġel Lhudi jismu Gedalija biex jieħu ħsieb lil dawn in-nies. Imma mbagħad xi Iżraelin joqtlu lil Gedalija. Issa n-nies jibżgħu li l-Babiloniżi jiġu u jeqirduhom ilkoll minħabba din il-ħaġa ħażina. Għalhekk iġiegħlu lil Ġeremija jmur magħhom, u jaħarbu l-Eġittu.

Dan iħalli l-art t’Iżrael vojta għalkollox min-nies. Għal 70 sena ħadd ma jgħix f’dik l-art. Lanqas bniedem wieħed ma jkun hemm. Iżda Ġeħova jwiegħed li ħa jġib lin-nies tiegħu lura lejn l-art wara 70 sena. Sadanittant, x’inhu jiġri lin-nies t’Alla fl-art ta’ Babilonja fejn ittieħdu? Ejja naraw.

2 Slaten 25:1-26; Ġeremija 29:10; Eżekjel 1:1-3; 8:1-18.



Mistoqsijiet

  • X’qed jiġri lil Ġerusalemm u lill-Iżraelin li jidhru fl-istampa?
  • Min hu Eżekjel, u Ġeħova jurih liema affarijiet li jkexkxuh?
  • Peress li l-Iżraelin m’għandhomx rispett għal Ġeħova, hu xi jwiegħed?
  • Is-Sultan Nebukadnessar x’jagħmel wara li l-Iżraelin jirribellaw kontrih?
  • Ġeħova għala jħalliha tiġri din il-qerda terribbli lill-Iżraelin?
  • L-art t’Iżrael kif titħalla mingħajr nies, u għal kemm żmien

Iktar mistoqsijiet