Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 74: Raġel li Ma Jibżax

Storja 74: Raġel li Ma Jibżax

ARA dawn in-nies, qed jgħaddu ż-żmien b’dan iż-żagħżugħ. Taf min hu? Dan Ġeremija. Huwa profeta importanti ħafna t’Alla.

Nies jiddieħqu b’Ġeremija

Ftit wara li s-Sultan Ġosija jibda jnaddaf l-art mill-idoli, Ġeħova jgħid lil Ġeremija biex ikun il-profeta Tiegħu. Imma Ġeremija jaħseb li għadu żgħir wisq biex ikun profeta. Imma Ġeħova jgħidlu li Hu se jgħinu.

Ġeremija jgħid lill-Iżraelin biex jieqfu jagħmlu affarijiet ħżiena. Hu jgħid: ‘L-allat li jqimu n-nies tal-ġnus huma foloz.’ Imma ħafna Iżraelin jippreferu jqimu lill-idoli milli jqimu lill-Alla l-veru Ġeħova. Meta Ġeremija jgħid lin-nies li Alla se jikkastigahom minħabba l-ħażen tagħhom, dawn sempliċement iwaqqgħuh għaċ-ċajt.

Jgħaddu s-snin. Ġosija jmut, u tliet xhur wara ibnu Ġeħojakim isir sultan. Ġeremija jibqa’ jgħid lin-nies: ‘Ġerusalemm se tiġi meqruda jekk ma tiqfux tagħmlu l-ħażen.’ Il-qassisin jaħtfu lil Ġeremija u jgħajtu: ‘Ħaqqek tiġi maqtul talli qed tgħid dawn l-affarijiet.’ Imbagħad jgħidu lill-prinċpijiet t’Iżrael: ‘Ġeremija għandu jinqatel, għax tkellem kontra l-belt tagħna.’

Issa x’se jagħmel Ġeremija? Hu ma jibżax! Hu jgħidilhom kollha: ‘Ġeħova bagħatni biex ngħid dawn l-affarijiet. Jekk ma tbiddlux il-mod ħażin ta’ ħajjitkom, Ġeħova se jeqred lil Ġerusalemm. Imma kunu ċerti minn dan: Jekk toqtluni, se tkunu qed toqtlu raġel li m’għamel xejn ħażin.’

Il-prinċpijiet iħallu lil Ġeremija jgħix, iżda l-Iżraelin jibqgħu jagħmlu l-ħażen. Iktar tard Nebukadnessar, is-sultan ta’ Babilonja, jiġi u jiġġieled kontra Ġerusalemm. Fl-aħħar Nebukadnessar jagħmel lill-Iżraelin il-qaddejja tiegħu. Hu jieħu ħafna eluf f’Babilonja. Aħseb ftit kif kont tħossok kieku nies li ma tafx ħaduk minn darek għal art barranija!

Ġeremija 1:1-8; 10:1-5; 26:1-16; 2 Slaten 24:1-17.



Mistoqsijiet

  • Min hu r-raġel żagħżugħ fl-istampa?
  • Ġeremija kif iħossu dwar li jsir profeta, imma Ġeħova x’jgħidlu?
  • X’messaġġ jibqa’ jgħid Ġeremija lin-nies?
  • Il-qassisin kif jipprovaw iwaqqfu lil Ġeremija, imma kif juri li ma jibżax?
  • X’jiġri meta l-Iżraelin jibqgħu jagħmlu l-ħażen?

Iktar mistoqsijiet