Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 73: L-Aħħar Sultan Tajjeb t’Iżrael

Storja 73: L-Aħħar Sultan Tajjeb t’Iżrael

ĠOSIJA għandu tmien snin biss meta jsir sultan taż-żewġ tribujiet tan-Nofsinhar t’Iżrael. Hu żgħir ħafna biex ikun sultan. Għalhekk, għall-ewwel xi rġiel akbar fl-età jgħinuh jaħkem il-ġens.

Meta Ġosija jkun ilu sultan għal seba’ snin hu jibda jfittex lil Ġeħova. Hu jimxi wara l-eżempji ta’ slaten tajbin bħal David, Ġeħosafat, u Ħeżekija. Imbagħad, meta jkun għadu żagħżugħ, Ġosija jagħmel xi ħaġa kuraġġuża.

Is-Sultan Ġosija u l-irġiel tiegħu qed jeqirdu l-idoli

Għal ħafna żmien il-biċċa l-kbira mill-Iżraelin kienu verament ħżiena. Huma jqimu allat foloz. Jinżlu għarkopptejhom quddiem l-idoli. Allura Ġosija, flimkien mal-irġiel tiegħu, beda jneħħi l-qima falza mill-art. Din hi biċċa xogħol kbira għax hemm tant nies iqimu allat foloz. Tista’ tara lil Ġosija u l-irġiel tiegħu hawn ikissru l-idoli.

Wara, Ġosija jpoġġi tlett irġiel biex jieħdu ħsieb li jsewwu t-tempju ta’ Ġeħova. Il-flus jinġabru min-nies u jingħataw lill-irġiel biex iħallsu għax-xogħol li għandu jsir. Waqt li qed jaħdmu fuq it-tempju, il-qassis il-kbir Ħilkija jsib xi ħaġa importanti ħafna hemm. Hu l-istess ktieb tal-liġi li Ġeħova kien qal lil Mosè biex jikteb żmien twil ilu. Dan kien mitluf għal ħafna żmien.

Il-ktieb jiħduh għand Ġosija, u hu jitlob li xi ħadd jaqrahulu. Waqt li jisma’, Ġosija jista’ jara li n-nies ma kinux qed iżommu mal-liġi ta’ Ġeħova. Hu jħossu mnikket ħafna minħabba dan, u għalhekk iċarrat ħwejġu, kif tista’ tara hawn. Hu jgħid: ‘Ġeħova huwa rrabjat għalina, għax missirijietna ma żammewx mal-liġijiet miktubin f’dan il-ktieb.’

Safan u s-Sultan Ġosija

Ġosija jordna lill-qassis il-kbir Ħilkija biex isir jaf x’kien se jagħmlilhom Ġeħova. Ħilkija jmur għand il-mara Ħulda, li hi profetessa, u jistaqsiha. Hi tagħtih dan il-messaġġ mingħand Ġeħova għal Ġosija: ‘Ġerusalemm u n-nies kollha se jiġu kastigati talli qiemu allat foloz u l-art imtliet bil-ħażen. Imma peress li int, Ġosija, għamilt dak li hu tajjeb, dan il-kastig mhux se jiġi qabel tmut.’

2 Kronaki 34:1-28.



Mistoqsijiet

  • Kemm ikollu żmien Ġosija meta jsir sultan, u x’jibda jagħmel meta jkun ilu sultan għal seba’ snin?
  • X’inhu jagħmel Ġosija fl-ewwel stampa?
  • Xi jsib il-qassis il-kbir meta l-irġiel ikunu qed isewwu t-tempju?
  • Ġosija għala jċarrat ħwejġu?
  • Il-profetessa Ħulda x’messaġġ tagħti lil Ġosija mingħand Ġeħova?

Iktar mistoqsijiet