Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 70: Ġona u l-Ħuta Kbira

Storja 70: Ġona u l-Ħuta Kbira

ARA r-raġel fl-ilma. Qiegħed f’ħafna inkwiet, hux veru? Din il-ħuta se tibilgħu! Taf min hu dan ir-raġel? Jismu Ġona. Ejja naraw kif daħal f’daqshekk inkwiet.

Ġona hu profeta ta’ Ġeħova. Ftit wara l-mewt tal-profeta Eliżew, Ġeħova jgħid lil Ġona: ‘Mur sal-belt kbira ta’ Ninwe. In-nies hemmhekk huma ħżiena ħafna u jien irridek tgħidilhom dwar dan.’

Ġona u l-ħuta kbira

Imma Ġona ma jridx imur. Għalhekk jaqbad bastiment li jkun sejjer fid-direzzjoni opposta ta’ Ninwe. Ġeħova ma jiħux pjaċir b’Ġona minħabba li ħarab. Għalhekk Hu jġiegħel li jkun hemm maltempata kbira. Tant tkun kiefra li l-bastiment huwa fil-periklu li jegħreq. Il-baħrin jibżgħu ħafna, u jitolbu lill-allat tagħhom għall-għajnuna.

Fl-aħħar Ġona jgħidilhom: ‘Jien inqim lil Ġeħova, l-Alla li għamel is-sema u l-art. U jien qed naħrab milli nagħmel dak li Ġeħova qalli biex nagħmel.’ Għalhekk, il-baħrin jistaqsu: ‘X’għandna nagħmlulek biex inwaqqfu l-maltempata?’

Ġona jgħid: ‘Itfgħuni fil-baħar, u l-baħar jerġa’ jiġi kalm.’ Il-baħrin ma jridux jagħmlu hekk, imma hekk kif il-maltempata tiggrava huma fl-aħħar jitfgħu lil Ġona fil-baħar. Mill-ewwel il-maltempata tieqaf, u l-baħar jerġa’ jkun kalm.

Hekk kif Ġona jinżel taħt l-ilma, il-ħuta kbira tibilgħu. Imma ma jmutx. Għal tlett ijiem u tlett iljieli hu jkun f’żaqq il-ħuta. Ġona jiddispjaċih ħafna talli m’obdiex lil Ġeħova u ma marx Ninwe. Allura taf x’jagħmel?

Ġona jitlob lil Ġeħova għall-għajnuna. Imbagħad, Ġeħova jġiegħel lill-ħuta taqla’ lil Ġona fuq art niexfa. Wara dan Ġona jmur Ninwe. Ma jgħallimniex dan kemm hu importanti li nagħmlu dak kollu li jgħidilna Ġeħova?

Il-ktieb Bibliku ta’ Ġona.



Mistoqsijiet

  • Min hu Ġona, u Ġeħova x’jgħidlu jagħmel?
  • Peress li ma jridx imur fejn jgħidlu Ġeħova, Ġona x’jagħmel?
  • Ġona x’jgħid lill-baħrin jagħmlu ħalli tieqaf il-maltempata?
  • Bħalma tista’ tara fl-istampa, x’jiġri meta Ġona jinżel taħt l-ilma?
  • Ġona kemm idum ġol-ħuta kbira, u x’jagħmel waqt li jkun hemm?
  • Fejn imur Ġona wara li joħroġ mill-ħuta kbira, u dan x’jgħallimna?

Iktar mistoqsijiet